Internazzjonali

“L-Ewropa tkun b’saħħitha jekk kulħadd jaħdem id f’id” – Ursula Von Der Leyen

Ritratt: Le Monde

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola fetħet uffiċjalment il-plenarja tal-Parlament Ewropew fejn ippreżentat lil Ursula Von Der Leyen sabiex hi tibda bil-preżentazzjoni tagħha, filwaqt li spjegat li ser ikun hemm diskorsi mill-mexxejja tal-Partiti Ewropej li ser iseħħu wara d-diskors ta’ Von Der Leyen sabiex huma jgħaddu l-aħħar ħsibijiet fuq il-vot importanti li ser jittieħed f’nofsinhar.

Ursula Von Der Leyen issoktat bid-diskors tagħha hekk kif qed tippreżenta l-pjan tal-Kummissjoni għal dawn l-erba’ snin li ġejjin. Hi ppreżentat mill-ġdid il-Kummissarji kollha waqt li fl-istess ħin spjegat is-setturi varji li ser ikunu qegħdin imexxu.

Hi sostniet li l-Kummissjoni ser tiffoka fuq l-innovazzjoni, id-dikarbonizzazzjoni u s-sigurtá, dan sabiex il-Kummissjoni tiżgura l-kwalitá tal-ħajja tal-Ewropej kollha.

Von Der Leyen saħqet li l-libertá tibqa’ importanti ferm – libertá mhux biss soċjali peró anke ekonomika. Hekk kif l-Unjoni Ewopea nbniet fuq il-prinċipju tal-libertà.

Hi kompliet tgħid li dak li l-Unjoni Ewropea tal-lum għandha tkun grata lejn dawk li fis-snin passati ġġieldu għad-drittijiet tagħhom – dawn il-ħaddiema li protestaw għal kundizzjonijiet diċenti, dawk in-nisa li semmgħu leħinhom għal drittijiet bażiċi, l-eluf li tilfu ħajjithom fi gwerer varji sabiex jiżguraw il-libertà għalina lkoll. Hi sostniet li dan kollu dejjem ġie mhedded u nistgħu nitilfu kollox f’ħakka t’għajn jekk l-Unjoni Ewropea ma taħdimx flimkien għall-ġid komuni.

ll-President tal-Kummissjoni sostniet li fil-mandat li għadda saret ħidma kbira fuq kull aspett, dan fost sfidi bla preċedent – minn pandemija globali għal gwerer fl-ibħra u fruntieri Ewropej.

Von Der Leyen semmiet ukoll lil Glenn Micallef dwar kif hi għażlet lilu li jmexxi s-settur inkarigat sabiex ikun jista’ jgħaqqad il-ġenerazzjonijiet Ewropej hekk kif hu twieled fis-sena meta waqa’ l-ħajt ta’ Berlin.

Hi għalqet billi sostniet li l-Ewropa tkun b’saħħitha jekk kulħadd jaħdem id f’id u jekk inwarrbu d-diferenzi personali. B’hekk, l-Unjoni Ewropea tkun f’pożizzjoni li tkun tista’ toffri futur mimli opportunitajiet għal Ewropej kollha.