Internazzjonali

Wara l-waqfien mill-ġlied fil-Libanu: Il-familji jirritornaw għall-‘widien tal-qerda’

Il-poplu tal-Libanu qed iħares lejn il-futur b’sens akbar ta’ ottimiżmu wara li daħal fis-seħħ il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied bejn il-qawwiet ta’ Iżrael u l-milizji Lebaniżi Xiti tal-Ħeżbollah….Ftehim li kien qed jidher impossibbli sa ftit tal-ġimgħat ilu u fi żmien meta l-Libanu kien qed jiffaċċja l-impatt ta’ gwerra totali li rrankat sew lejn l-aħħar tas-sajf.

Il-ftehim intlaħaq bil-medjazzjoni u impenn sħiħ tal-Gvern tal-Istati Uniti u bil-Lebaniżi, issa, qed jevalwaw ħajjithom mill-ġdid wara konflitt ta’ 13-il xahar fejn spikkaw ir-rejds tal-ajru konsistenti mill-Iżraeljani fuq Bejrut u bnadi oħrajn tal-pajjiż magħrufin bħala fortizzi tal-Ħeżbollah.

Fl-aħħar sigħat, eluf ta’ ċivili Lebaniżi kienu qed jirritornaw lura d-dar, fin-nofsinar tal-Libanu, u wara xhur jgħixu l-ħajja ta’refuġjati.

Madankollu – u minkejja l-arja ta’ ċelebrazzjoni – għad hemm element ta’ inċertezza u anki tensjoni, bl-Iżraeljani jwissu lill-poplu Lebaniż li diversi zoni ta’ pajjiżhom għadhom mhumiex sikuri u li huma kapaċi jiffaċċjaw il-periklu jekk jidħlu f’ċerti nħawi.

Fil-fatt, il-militar Iżraeljan fin-nofsinar tal-Libanu, fl-aħħar sigħat, spiċċa jispara lejn gruppi ta’ elementi ‘suspettużi’ li ma identifikahomx b’isimhom. Dan fost il-wiegħdi ta’ Iżrael li għandu jinforza b’mod attiv ‘ir-rispett lejn il-ftehim minn kull naħa’.

Sadanittant, it-triq prinċipali minn Bejrut lejn l-ibnadi Lebaniżi tan-Nofsinar jinsabu pakkjati bil-karozzi waqt li l-familji kienu qed isuqu bil-mod lejn djarhom.Ħafna minn dawn il-familji, madankollu, qed isibu r-residenzi tagħhom meqrudin għal kollox mill-bombi u l-missili tal-Iżraeljani.

Mistenni wkoll li l-proċess għall-irtirar tat-truppi Iżraeljani mil-Libanu se jirranka fis-sigħat li ġejjin għalkemm Iżrael qed jirriserva d-dritt biex jirrikorri mill-ġdid għall-azzjonijiet militari jekk kemm-il darba joħorġu s-sinjali li l-milizji tal-Ħeżbollah – alleati kbar tal-Iran – qegħdin jiksru l-kundizzjonijiet tal-ftehim.

L-Armata Lebaniża, issa qed tħejji biex tistazzjona madwar 5.000 suldat biex ‘jiggarantixxu l-paċi’ fin-Nofsinar tal-Libanu u bħala parti mill-pjan għall-waqfien mill-ġlied sponsorjat mill-Istati Uniti.

Dan wara li s-suldati Iżraeljani kienu invadew l-artijiet tal-Libanu madwar xahrejn ilu u bħala parti mill-offensiva fuq il-Ħeżbollah….Offensiva intiża biex tkisser il-kapaċitajiet militari tal-milizji Xiti li sa din i-ġimgħa stess kienu qed jisparaw il-missili lejn l-ibliet tal-Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera.

Mifhum ukoll li l-milizji tal-Ħeżbollah qegħdin jirrilokaw lejn inħawi xi 30 kilometru ‘il bogħod mill-fruntiera ma’ Iżrael – bl-uffiċjali Lebaniżi jsostnu l-impenn biex jimplimentaw ir-Riżoluzzjoni 1701 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti…Riżoluzzjoni li tinkludi l-miżura għall-istazzjonar tal-qawwiet Lebaniżi fin-Nofsinar tal-Libanu

Madankollu ma hemm l-ebda sinjal li l-waqfien mill-ġlied fil-Libanu għandu jaffettwa b’mod sinifikanti l-gwerra li Iżrael qed jiġġieled kontra t-terroristi tal-Ħamas fil-Medda ta’ Gaza – u fejn qed tkompli l-kriżi umana. Fl-istess ħin, iżda, l-uffiċjali tal-Ħamas irreaġew b’mod pożittiv għall-ftehim dwar il-Libanu u qalu li huma  wkoll jinsabu lesti għal ftehim simili rigward Gaza.