Lokali Unjoni Ewropea

35 sena wara l-Konvenzjoni tan-NU: Miljuni ta’ tfal fl-UE għadhom jgħixu fil-faqar – L-MEP David Casa

F’għeluq il-35 sena mill-adozzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, l-MEP David Casa ħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea biex issaħħaħ l-isforzi biex tiġġieled il-faqar tat-tfal, hekk kif miljuni ta’ tfal madwar il-kontinent għadhom jgħixu taħt il-linja tal-faqar. Fid-diskors tiegħu fil-Parlament Ewropew, Casa saħaq li filwaqt li sar progress, għad fadal ħafna xi jsir.

“35 sena ilu, il-Konvenzjoni tan-NU poġġiet lit-tfal fiċ-ċentru tal-politika soċjali, iżda llum, miljuni ta’ tfal fl-UE għadhom jgħixu fil-faqar,” qal Casa. “Din hija realtà li ma nistgħux ninjoraw.”

L-MPE, li għal bosta snin kien Membru u anke Koordinatur għall-PPE tal-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali u l-Impjieg, spjega kif il-faqar jintiret, u l-effetti tal-faqar fi snin bekrin kapaċi jinħassu għal għomorhom.

Casa fakkar ukoll lill-MPE fir-responsabbiltà tal-UE li taġixxi għall-futur taċ-ċittadini l-iżgħar tagħha. “It-tfal ma jistgħux jivvutaw, jipprotestaw, jew ibiddlu ċ-ċirkustanzi tagħhom. Huwa f’idejna li niżguraw kwalità ta’ ħajja aħjar u futur isbaħ għalihom,” stqarr l-MPE.

Huwa appella għat-tisħiħ ta’ inizjattivi eżistenti bħall-Garanzija tat-Tfal u d-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja, li t-tnejn kienu mmirati biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tat-tfal. “Għamilna progress, imma rridu nagħmlu aktar biex id-drittijiet tat-tfal mill-kliem fuq il-karta inbiddluh f’realtà,” temm jgħid Casa.