Lokali

“Abela mhux jafda lill-backbenchers tiegħu stess”

Il-fatt li Robert Abela tefa’ r-responsabblità tal-Ministeru tat-Turiżmu fuq Ian Borg, juri kemm il-mexxej Laburista m’għandux fiduċja fil-backbenchers tiegħu stess. Dan intqal mill-Malta Independent, bl-editorjal jgħid li t-turiżmu għandu bżonn Ministru full-time – għaliex huwa wieħed mill-pilastri tal-ekonomija Maltija.

Il-mossa ta’ Robert Abela ħalliet barra lil diversi deputati bħal Ray Abela, Romilda Zarb, Deo Debattista, Amanda Spiteri Grech u Davina Sammut Hili – li kollha ma ġewx fdati bit-turiżmu. Sinifikanti wkoll il-fatt kif deputati Laburisti bħal Katya Degiovanni u Cressida Galea wkoll ġew injorati totalment.

L-editorjal tal-Independent jispjega li aktar minn qatt qabel, it-turiżmu jeħtieġ bidla fl-istrateġija, għaliex il-Gvern suppost irrealizza li dan il-pajjiż għandu jimxi mill-kwantità u jibbaża l-ekonomija tiegħu fuq il-kwalità.

Iżda surrealment – Robert Abela ddeċieda li jkompli jgħabbi lid-Deputat Prim Ministru Ian Borg, li hu responsabbli mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u li ta’ sikwit ikun barra minn pajjiżna – milli jafda wieħed mill-backbenchers jew segretarji parlamentari Laburista.

Intant, l-editorjal għamel referenza għall-fatt li Abela pprefera ma jagħmilx re-shuffle tal-kabinett tiegħu – kif sar xhur ilu, dan għaliex probabbilment kien se jkompli jiddistabbilizza l-Gvern tiegħu. Gvern li qed juri sintomi ta’ għajja, u partit li qed jitlef il-fiduċja tal-poplu b’mod speċjali wara l-elezzjonijiet ta’ Ġunju li għadda.