Fi ftehim mal-Istati Membri li ntlaħaq dan l-aħħar, il-Parlament Ewropew irnexxielu jiddefendi baġit robust tal-UE għas-sena d-dieħla, filwaqt li żgura li jiġu indirizzati l-isfidi attwali u jtejjeb il-ħajja taċ-ċittadini.
Fi Frar 2024, matul ir-reviżjoni tal-baġit fit-tul tal-UE, il-Parlament żgura żidiet sostanzjali għall-prijoritajiet ewlenin, bħall-appoġġ għall-Ukrajna, żidiet li l-MPE rnexxielhom iżommu għall-baġit tal-2025. Huma żguraw ukoll il-finanzjament tal-ħlasijiet lura tal-Istrument Ewropew għall-Irkupru (EURI), li huma kważi d-doppju tal-ammont inizjalment previst għall-2025, filwaqt li fl-istess ħin jipproteġu l-finanzjament għal programmi essenzjali bħal Erasmus+ jew ir-riċerka.
Il-Parlament żgura finanzjament addizzjonali għall-programmi tal-UE
Il-MPE kisbu wkoll aktar finanzjament għal programmi essenzjali fil-baġit annwali tal-2025. Huma nnegozjaw b’suċċess EUR 230.7 miljun addizzjonali lil hinn mill-abbozz ta’ proposta inizjali tal-Kummissjoni, b’enfasi fuq inizjattivi ewlenin li jinkludu r-riċerka, is-saħħa, l-edukazzjoni, il-bdiewa żgħażagħ, il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali, ir-rispons għall-kriżijiet f’każ ta’ diżastri naturali, l-azzjoni klimatika, l-għajnuna umanitarja, il-mobbilta militari, u l-ġestjoni tal-fruntieri. Minbarra dan il-finanzjament addizzjonali, żidiet kbar miksuba minn iffrankar preċedenti se jkunu ta’ benefiċċju għall-baġit tal-2025, inklużi €422 miljun għal Erasmus+ u €20 miljun għal Orizzont Ewropa.
Il-baġit tal-2025 ġie adottat b’418-il vot favur, 185 kontra u 67 astensjoni. Il-Kunsill diġà approva l-ftehim fil-25 ta’ Novembru.
//= $special ?>