Il-Kap Eżekuttiv ta’ Steward Healthcare għal Malta, Armin Ernst, li l-Ħamis kellu jidher għall-ewwel darba quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello b’rabta mas-serqa tal-isptarijiet f’Malta, spiċċa ma deherx fil-Qorti minħabba li ftit tal-jiem ilu ġie arrestat fl-Istati Uniti wkoll b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet f’Malta.
Armin Ernst qed jiġi investigat fl-Istati Uniti fuq il-konċessjoni tal-ftehim u l-iżvilupp, manutenzjoni, immanġġjar u l-operazzjoni tal-isptarijiet f’Malta u użu ta’ kontijiet f’banek u tranżazzjonijiet oħra finanzjarji.
Akkuża oħra tgħid li kull xorta ta’ valur, rigal jew tixħim li ġew provduti minn Steward lill-uffiċjali governattivi Maltin u lil Shakat Ali, Asad Ali u l-membri tal-familja tagħhom. Hemm ukoll il-kummissjoni ta’ reati relatati ma’ Accutor AG, Accutor Consultin AG, STE Health u oħrajn.
Huwa flimkien mas-CEO Internazzjonali ta’ Steward Health Care, Ralph de la Torre, qed jiġu investigati u jridu jixhdu f’ġuri li għandu jsir fl-Istati Uniti stess. Fil-fatt, aġenti federali Amerikani qabdu mowbajls ta’ de la Torre u Armin Ernst, li dan il-fatt kien ukoll irrapportat fil-ġurnal Boston Globe.
Kemm Erns kif ukoll De La Torre huma fost għexieren ta’ nies li qed jiffaċċjaw akkużi f’Malta b’rabta mal-privatizzazzjoni ta’ tliet sptarijiet tal-istat – ftehim li qorti neħħiet is-sena l-oħra, li kkonkludiet li kien ikkaratterizzat minn sinjali ta’ frodi.
Madankollu, l-ebda wieħed miż-żewġt irġiel għadu ma deher fil-Qorti Maltija biex iwieġeb għall-akkużi. De La Torre huwa l-azzjonist maġġoritarju ta’ Steward u mexxa l-kumpanija fl-Istati Uniti u f’pajjiżi oħra. Ernst serva bħala CEO tal-operazzjonijiet internazzjonali tiegħu, inkluża l-fergħa tagħha f’Malta, wara li qabel serva bħala CEO tal-konċessjonarju oriġinali tal-isptarijiet, Vitals Global Healthcare.
F’Mejju, Steward iddikjara falliment fl-Istati Uniti, u semma madwar $9 biljun f’obbligazzjonijiet. Issa qed tiġi investigata għal frodi, tixħim, u korruzzjoni. Il-kumpanija f’ħin minnhom kienet l-akbar fornitur tal-kura tas-saħħa privata fl-Istati Uniti.
Diversi membri tal-bord ta’ Steward, inkluż l-Eks Speaker tal-Kamra tal-Istati Uniti John Boehner, ġew imħarrka biex iwieġbu mistoqsijiet. La Ernst u lanqas De La Torre ma ġew akkużati mill-prosekuturi Amerikani b’xi reat relatat mal-falliment ta’ Steward s’issa, għalkemm De La Torre qed jiffaċċja proċeduri kriminali minħabba li naqas milli jixhed meta msejjaħ minn kumitat tas-Senat tal-Istati Uniti.
Iżda l-esperti legali li tkellmu mal-Boston Globe qalu li l-fatt li ż-żewġt irġiel kienu suġġetti għal mandati ta’ tfittxija, issuġġerixxa li l-prosekuturi kienu qed iressqu fuqhom. Skont il-liġi tal-Istati Uniti, il-mandati ta’ tfittxija għandhom jingħataw minn maġistrat fuq il-bażi ta’ “evidenza kredibbli” li twettaq reat.
Mhux magħruf jekk il-prosekuturi Amerikani setgħux jaċċessaw il-kontenut tal-mobiles taż-żewġt irġiel. Raġel ieħor li qed jiffaċċja akkużi f’Malta b’rabta mal-ftehim tal-isptarijiet, l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, irrifjuta li jagħti lill-prosekuturi l-password tal-mobile tiegħu.
L-Avukat Ġenerali qalet li se ssir talba għall-estrazzjoni ta’ Armin Ernst filwaqt li l-Avukati Josè Herrera u Matthew Xuereb qalu li jkun aħjar li jkun hemm diskussjoni bejn l-AĠ f’Malta u l-AĠ fl-Istati Uniti. Il-Qorti f’Malta pprogrammat id-data għal meta għandu Ernst għandu jidher quddiemha, li hija t-12 ta’ Marzu li ġej.
//= $special ?>