Grazzi għall-poplu Malti u Għawdxi li ħareġ jipprotesta u grazzi għall-impenn tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista li għamel pressjoni kbira fuq iż-żewġ ministri li nstabu ħatja ta’ ksur ta’ etika, il-Ministru Clayton Bartolo rriżenja. Però, il-Prim Ministru Robert Abela għadu qed jiddefendi lill-Ministru Clint Camilleri.
Dan intqal mix-Shadow Ministers Beppe Fenech Adami, Paula MIfsud Bonnici u Alex Borg waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Ħamis filgħodu, quddiem il-Ministeru tat-Turiżmu.
Beppe Fenech Adami fakkar kif il-Ministru Clint Camilleri huwa responsabli li kollabora biex issir cover-up. Camilleri kien jaf ukoll li ma kienx hemm bżonn ta’ dan l-impjieg u li Amanda Muscat ma kellhiex il-kwalifiċi neċessarja biex tkun konsulenta. U għalhekk, huwa personalment responsabbli minn din il-frodi.
Minn naħa tagħha, Paula Mifsud Bonnici spjegat kif kien grazzi għall-poplu Malti u Għawdxi li Clayton Bartolo rriżenja, u kif irriżenja Bartolo, l-istess għandu jagħmel Camilleri.
Saħqet li l-Gvern ta’ Robert Abela huwa Gvern ta’ frodi u korruzzjoni, hekk kif l-iskandli jibqgħu jfaqqgħu jum wara jum. U għalhekk, fil-każ ta’ din il-frodi, ġustizzja tista’ ssir biss jekk jirriżenja l-Ministru Clint Camilleri.
Alex Borg stqarr li dan hu skandlu ieħor f’sensiela ta’ skandli li fihom bata l-poplu Malti u Għawdxi. Tenna li r-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards wera biċ-ċar li Amanda Muscat qatt ma għamlet ebda konsulenza mal-Ministeru ta’ Għawdex. Fuq kollox, fakkar kif dan l-iskandlu wassal messaġġ ħażin lill-istudenti li jaħdmu u jistinkaw. U għalhekk appella lill-poplu biex jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista nhar it-Tnejn għall-protesta fil-Belt.
Il-protesta bit-tema ‘Frodi Biss Frodi Spiss’, se ssir fit-2 ta’ Diċembru quddiem il-Parlament, fis-18:00.
//= $special ?>