Lokali

“Hija ċara, jekk telaq Bartolo għandu jitlaq Camilleri” – Bernard Grech

“Hija ċara, jekk telaq Clayton Bartolo għandu jitlaq Clint Camilleri”.

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’intervista li saritlu fuq F-Living fejn tkellem dwar bosta kriżijiet li ħakmu lil pajjiżna, fosthom l-aħħar skandlu tal-mara ta’ Clayton Bartolo. Il-Kap tal-PN spjega li kien il-Ministru Clint Camilleri bil-barka ta’ Robert Abela li ta £70,000 fis-sena lil Amanda Muscat, minkejja li ma kenitx kwalifikata.

U huwa fid-dawl ta’ dan kollu, li Bernard Grech appella sabiex il-poplu jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista nhar it-Tnejn fis-6pm quddiem il-Parlament.

Bernard Grech spjega wkoll li s-£70,000 ta’ Amanda Muscat ingħataw f’punt meta hawn diversi kriżijiet fil-pajjiż fl-Isptar Mater Dei… u anke fl-MCAST. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li l-istudenti jinsabu f’inċertezza.

Huwa spjega li £70,000 huma erba’ darbiet u nofs aktar minn daqskemm tieħu studenta gradwata u li daħlet fis-settur tax-xogħol, huma erba’ darbiet aktar minn kemm taqla’ għalliema ġdida fis-settur, u tliet darbiet aktar minn paga ta’ għalliema li ilha 25 sena tgħallem.

Kien għalhekk li appella lin-nies sabiex jingħaqdu mal-Partit Nazzjonalista fil-protesta nazzjonali tat-Tnejn, għaliex dan is-serq li qed iseħħ huwa serq mix-xogħol li jistinka għalih il-poplu.

Bernard Grech spjega wkoll li d-differenza bejn il-partiti dejjem qed tidher aktar ċara. U l-PN qed jirnexxielu jġib il-bidla saħanistra anke mill-Oppożizzjoni.