Kummerċ Lokali

Il-Bank APS interessat li jakkwista l-HSBC

Il-Bank APS iddikjara l-interess tiegħu li jakkwista 70.03% ta’ sehem ta’ HSBC Continental Europe f’HSBC Bank Malta plc, u li għaldaqstant ippreżenta offerta finali lill-HSBC Holdings plc.

Il-Bank ħabbar ukoll li qed jiġi assistit fil-proċess minn Alvarez & Marsal bħala l-konsulent finanzjarju ewlieni, u Ganado Advocates bħala l-konsulent legali. Konsulenti oħra huma lesti jingħaqdu fil-mument opportun meta jibda x-xogħol fuq it-tranżazzjoni, inkluż eżerċizzju ta’ due diligence.

Matul dan il-perjodu, il-Bord tad-Diretturi u l-Amministrazzjoni tal-Bank se jkunu qed jinvolvu ruħhom mal-partijiet interessati varji tagħhom biex jgħinuhom jifhmu aktar ir-raġunijiet u l-vantaġġi ta’ dan l-akkwist. L-ewwel nett se jkunu l-azzjonisti, u primarjament l-Azzjonisti Kwalifikati AROM Holdings Ltd (55.0%) u d-Djoċesi ta’ Għawdex (12.7%), u l-konsulenti tagħhom, li jikkonfermaw dan l-akkwist.

L-APS qal li kif intwera b’mod konsistenti f’dawn l-aħħar snin, il-Bank ilu jikber b’mod stabbli, itejjeb l-effiċjenzi, is-servizzi u d-dħul grazzi għall-investiment sinifikanti fit-teknoloġija, in-nies u s-sistemi. Dan wassal lill-Grupp APS Bank għal pożizzjoni tas-suq b’saħħitha, li ġġib magħha wkoll responsabbiltajiet akbar.

Il-Bank wassal għal bosta xhur ta’ studji u valutazzjoni estensiva u professjonali li issa jsaħħu dan l-iżvilupp. Fil-fehma tal-Bank, il-proposta tiegħu tippreżenta l-aħjar futur għall-HSBC Bank Malta plc, u dawk ta’ APS Bank plc.

Il-Bank iddikjara li se jħabbar kull żvilupp permezz ta’ avviżi oħra tal-kumpanija.