Lokali

Il-Kap tal-Partit Nazzzjonalista Bernard Grech jisma’ t-tħassib tal-istudenti

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kompla bil-laqgħat tiegħu maż-żgħażagħ, bil-għan li jkompli jisma’ x’inhuma l-prijoritajiet tagħhom – ħalli fl-aħħar mill-aħħar, Gvern ġdid Nazzjonalista jfassal viżjoni fejn iż-żgħażagħ ikunu prijorità.

Din id-darba kien imiss li Bernard Grech iżur il-Kunsill Studenti Universitarji; bil-membri ta’ dan il-Kunsill jaqsmu miegħu dak li l-aktar jolqothom bħala żgħażagħ.

Ritratt: Martin Agius

Luke Bonanno, il-President tal-KSU, tkellem dwar kif l-istudenti jinsabu inkwetati b’dak li qal il-Ministru tal-Finanzi rigward l-Università. U sostna li bħala KSU huma jemmnu li l-edukazzjoni għandha tibqa’ b’xejn.

Ritratt: Martin Agius

Il-President tal-KSU għamel referenza wkoll għal dak li qed jiġri fl-MCAST, hekk kif il-letturi ilhom tliet snin bi ftehim kollettiv skadut u li l-istudenti huma vittma ta’ dan kollu.

Dan filwaqt li għamel referenza wkoll għat-tħassib serju li l-istudenti għandhom fir-rigward tal-Medical School, u kif il-Ministru tas-Saħħa JoEtienne Abela issa qal li din se tkun qed tinfetah f’St Lukes. Xi ħaġa li l-istudenti kompletament ma jaqblux magħha anka minħabba l-fatt li din digà hemm post għaliha fil-Campus Hub.

Ritratt: Martin Agius

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista minn naħa tiegħu qal li l-Università mhux qiegħda hemm biex tagħmel qliegħ finanzjarju kif prova jimplika l-Ministru Clyde Caruana, imma l-għan tagħha huwa li tagħti ‘value added’ lill-istudenti.

Bernard Grech, faħħar ukoll l-attiviżmu ta’ din l-għaqda li ftit tal-jiem ilu ħarġet stqarrija fejn talbet lill-Ministri Clayton Bartolo u Clint Camilleri biex jirriżenjaw.

Ritratt: Martin Agius

Bernard Grech, li kien akkumpanjat mix-Shadow Minister Justin Schembri u Bernice Bonello, awgura lill-membri tal-KSU kemm fl-istudji tagħhom kif ukoll biex jibqgħu attivi fis-socjetà.