F’rapport li ġie ppubblikat aktar kmieni illum, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika giddeb lill-Prim Ministru Robert Abela meta dan tal-aħħar għamel ġimgħat sħaħ jgħid li Maġistrat talbet estensjoni taż-żmien biex tlesti r-rapport tagħha.
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li Robert Abela għamel ġimgħat sħaħ jattakka lill-Maġistrat li kienet qed tmexxi l-inkjesta dwar il-mewt traġika taż-żgħażugħ Jean Paul Sofia.
Fir-rapport tiegħu l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika qal: “L-esponent iżid jgħid biss li mhux korrett wieħed jgħid (kif ta l-impressjoni l-Prim Ministru waqt il-konferenza stampa) li l-Maġistrat talbet li jkollha estensjoni taż-żmien li tagħtiha l-liġi biex tlesti r-rapport. Il-Maġistrat m’għandhiex bżonn tagħmel din it-talba, iżda għandha tinforma lill-Avukat Ġenerali li se jkollha bżonn l-estensjoni u tindikalha r-raġunijiet għal dan.”
Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li Robert Abela għandu minnufih jiskuża ruħu pubblikament mal-Maġistrat li għamlet l-inkjesta dwar il-mewt taż-żgħażugħ Jean Paul Sofia u jobbliga ruħu li ma jerġax jattakka lill-Imħallfin u l-Maġistrati ta’ pajjiżna.
//= $special ?>