Raġel ta’ 30 sena u li huwa sid ta’ gym minn Birżebbugia, inżamm arrestat mill-Maġistrat Abigail Critien wara li wieġeb mhux ħati li kien involut f’attentati ta’ serq u li uża informazzjoni li ngħata minn eks surġent tal-pulizija dwar rejds mit-Taqsima ta’ Kontra d-Droga u anke taqsimiet oħra tal-Pulizija.
Ruud Buhagiar li joqgħod Marsaskala tressaq il-Qorti b’rabta mal-każ li fih tressqet il-Qorti l-eks surġent tal-Pulizija Cherise Camilleri ta’ 28 sena nhar is-Sibt li għadda, fosthom b’kompliċità fi traffikar tad-droga, li wettqet atti ta’ ħasil ta’ flus kif ukoll li għaddiet informazzjoni li kellha fl-iskwadra ta’ kontra d-droga lil persuni marbuta mal-kriminalità.
Il-prosekuzzjoni qalet li l-investigazzjoni tal-Pulizija bdiet lejn l-aħħar ta’ Ottubru dwar serqa li kienet qed issir minn residenza f’Birżebbugia u Buhagiar kien se jkun involut fis-serqa, li finalment ma seħħitx, u l-Pulizija ġiet infurmata li persuna mill-Korp ta’ Pulizija għaddiet informazjoni lil terzi fosthom lil Buhagiar. Irriżulta li l-persuna kienet is-Surgent Cherise Camilleri, li għadha miżmuma taħt arrest preventiv.
Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Buhagiar li huwa akkużat ukoll li huwa riċediv, li talba sabet oppożizzjoni kbira minn naħa tal-prosekuzzjoni minħabba li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u l-biża’ ta’ kontaminazzjoni tal-provi. Id-difiża qalet li l-akkużat ingħata l-police bail u għalhekk ta’ min joqgħod fuqu u li l-provi diġà huma preservati peress li kemm il-mobile tal-akkużat u tas-Surġent jinsabu għand il-Pulizija.
Hawn il-prosekuzzjoni qalet li jista’ jkun hemm persuni oħra li se jitressqu l-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ u għalhekk huwa prematur li jingħata l-pleġġ.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Assistant Kummissarju Keith Arnaud, l-Ispetturi Lydon Zammit u Christina Delia flimkien mal-Avukati Kevin Valletta u Francesca Spiteri f’isem l-Avukat Ġenerali. Buhagiar kien assistit mill-Avukati Alfred Abela u Rene Darmanin.
//= $special ?>