Lokali Qorti

Konfermata sentenza sospiża għal sewwieq li qatel mara fil-Gżira b’sewqan ta’ 140 kilometru s-siegħa

Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u multa ta’ €11,646 għal raġel ta’ 47 sena wara li ammetta li tajjar u qatel mara fil-Gżira. Anthony Chircop kien qed isuq il-karozza sportiva tiegħu meta qatel lil mara kienet spiżjara waqt li hu kien qed isuq b’veloċità ta’ 140 kilometru fis-siegħa fix-xatt tal-Gżira. Huwa kellu wkoll il-liċenzja tas-sewqan sospiża għal sentejn.

L-inċident seħħ nhar id-19 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra, għall-ħabta tas-7.30 p.m. Hu kien tressaq il-Qorti mixli li bi traskuraġni jew b’nuqqas ta’ tħaris ta’ regolamenti kkaġuna l-mewt ta’ Stephanie Rapa li kellha 30 sena. Kien mixli wkoll li saq vettura tal-għamla Nissan GTR fejn eċċeda l-limitu tal-veloċità skont il-liġi u anke b’sewqan traskurat. 

Il-karozza li kien qed isuq hi meqjusa bħala waħda mid-disa’ karozzi l-aktar veloċi fid-dinja. Il-GTR Nissan minn żero għal 60 mil fis-siegħa tagħmilha f’2.8 sekondi. Marki ta’ tyers li tħallew fit-triq kienu ta’ aktar minn 44 metru, bl-ewwel qorti li semgħet il-każ tosserva: “Karozza bħal din mhix maħsuba biex tinstaq fit-toroq Maltin.”

Minn dak li ħareġ fil-Qorti rriżulta li Chircop kien qiegħed isuq b’veloċità meta laqat lill-vittma waqt li din kienet qed taqsam it-triq.  Aktar kmieni din is-sena, il-Qorti Ċivili tat kumpens ta’ €324,000 lill-werrieta ta’ Rapa, wara li ddeċidiet li s-sewqan perikoluż tar-raġel b’veloċità daqstant għolja kien li kkawża l-mewt tal-vittma. 

Il-Pulizija qalet li meta laqat lil Stephanie, hija spiċċat għoliet madwar tliet metri u nofsHija kienet ittieħdet l-isptar għall-kura iżda ġiet iċċertifikata mejta ftit tal-ħin wara. Espert tal-Qorti kien xehed li Chirchop ħalla marki tat-tyres tul ta’ 44.80 metri u bid-daqqa kisser il-windscreen.

Dwar is-sospensjoni tal-liċenzja għal sentejn, il-Qorti tal-Appell, innotat li l-aġir tiegħu ta’ sewqan perikoluż ma kienx wieħed iżolat. Tant hu hekk fl-2001 kien instab ħati ta’ sewqan traskurat, fl-2014 nstab ħati ta’ sewqan bla kont u sentejn wara reġa’ nstab ħati ta’ sewqan bla kont waqt li kien xurban. Qalet li dan ifisser li huwa baqa’ qatt ma tgħallem u għemilu wassal għall-konsegwenzi traġiċi. 

Il-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima, minbarra li sabet lil Chircop ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u kkundannatu sentenza sospiża u multa, ordnat ukoll il-konfiska tal-vettura Nissan GTR. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jonathan Ransley. 

Għal Chircop dehru l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri. Il-Qorti tal-Appell kienet ippreseduta mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras, neħħiet biss il-konfiska tal-karozza Nissan GTR. Intant, f’kawża separata, il-Qorti Ċivili, kienet irdoppjat il-kumpens għal €324,000 lill-werrieta ta’ Rapa.