Fl-okkażjoni tas-sittin anniversarju tal-Indipendenza ta’ Malta, il-Partit Nazzjonalista għadu kemm ippubblika l-ktieb ĠORĠ BORG OLIVIER, il-bniedem, il-politiku u l-missier ta’ Malta Indipendenti.
Il-ktieb, tal-ġurnalist veteran Michael Caruana, hu bażat fuq esperjenzi ta’ nies li għexu u ħadmu qrib l-Eks Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista Ġorġ Borg Olivier. L-awtur, fid-39 sena li ħadem mal-midja tal-Partit Nazzjonalista, okkupa diversi karigi fosthom Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet, Manager, Servizzi Editorjali u Editur Parlamentari.
Id-disa’ kapitli tal-ktieb jittrattaw, fost oħrajn, il-ħajja, it-twemmin u l-ħidma ta’ Borg Olivier fil-Partit Nazzjonalista; it-talba għall-integrazzjoni ta’ Malta mar-Renju Unit; it-triq għall-Indipendenza; Malta wara l-Indipendenza; it-tneħħija tal-21 ta’ Settembru minn Jum Nazzjonali u l-emendi għall-Kostituzzjoni tal-Indipendenza.
Kapitlu minn dawn id-disgħa jittratta r-riżenja ta’ Ġorġ Borg Olivier minn Kap tal-Partit Nazzjonalista u ieħor ifakkar il-mewt u l-funeral statali kbir li sarlu.
Interessanti l-aħħar kapitlu li fih diversi persuni, fosthom uliedu Alexander u Peter, isemmu min kien Ġorġ Borg Olivier għalihom.
Fid-Daħla tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, isemmi li Ġorġ Borg Olivier, il-politiku onest, serju u integru li welled stat indipendenti, għadu frisk f’moħħna u f’qalbna. Jgħid li kien xieraq u f’waqtu li proprju f’din is-sena, meta qed niċċelebraw is-60 anniversarju tal-Indipendenza ta’ Malta, infakkru din il-kisba kbira għal pajjiżna b’din il-pubblikazzjoni li tagħti ġieħ lil dan l-istatista kbir li f’ħajtu, u anki wara, irnexxielu jidħol fil-qalb mhux biss tal-partitarji Nazzjonalisti, imma ta’ bosta Maltin oħra li jħobbu lil art twelidhom bis-sinċerità kollha.
Bernard Grech jgħid li għandu ħafna x’jgħallimna Ġorġ Borg Olivier. L-eżempji tiegħu għadhom kollha rilevanti għal żminijietna. Id-determinazzjoni tiegħu li, għax kien jaf li miexi fit-triq it-tajba, ma ħalla xejn u ’l ħadd jaqtagħlu qalbu. Minkejja l-ostakli li sab quddiemu, baqa’ miexi sakemm wassal lil pajjiżu fejn xtaq iwasslu. Sakemm tah rajh f’idejh u minn kolonja għamlu stat indipendenti u sovran.
It-tnedija uffiċjali tal-ktieb se ssir taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono fil-Palazz ta’ Sant’Anton, f’Ħ’Attard, nhar il-Ħamis, 16 ta’ Jannar 2025.
Sadanittant wieħed jista’ jikseb kopja tal-ktieb mir-reception tad-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, Tal-Pjetà, għal donazzjoni ta’ €25.
//= $special ?>