Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, qed jiġġustifika l-eskalazzjoni fl-attakki diretti fuq il-poplu Ukren bħala ‘reazzjoni’ għall-użu, mill-Ukrajna, tal-armamenti għal fuq id-distanzi kbar waqt il-gwerra li ilha mill-ewwel ġimgħat tal-2022.
L-armamenti provduti lill-Ukrajna mingħand l-Istati Uniti u r-Renju Unit kienu sparati, fl-aħħar ġranet, lejn il-miri qalb it-territorji tar-Russja u l-qawwiet tal-Kremlin, matul il-lejl tal-Erbgħa, sparaw ammont kbir ta’ missili u drones għal fuq il-faċilitajiet ewlenin li jipproduċu l-enerġija għall-Ukreni.
U waqt li kien qed jiftaħar dwar dawn l-attakki, Vladimir Putin anki hedded li l-qawwiet tiegħu għandhom jisparaw missila ballistika ġdida – tat-tip Oreshnik — lejn iċ-ċentri tat-tmexxija ‘fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet ewlenin għall-Ukrajna’.
Madankollu, l-osservaturi qalu li l-kummenti ta’ Putin dwar ‘reazzjoni għall-introduzzjoni tal-armamenti mill-Punent f’din il-gwerra’ huma qarrieqa u barra minn lokhom.
U għalkemm l-aħħar mewġa ta’ missili u drones ma ħallewx il-vittmi fl-Ukrajna, talanqas miljun Ukreni spiċċaw bla dawl fi żmien meta ħakmet il-kesħa kiefra tax-xitwa. Dan wara li l-missili laqtu talanqas 12-il mira, fil-parti kbira faċilitajiet tad-dawl u stallazzjonijiet oħrajn importanti għall-poplu.
Dan kien it-tieni attakk fuq is-sistema tal-enerġija tal-Ukrajna matul ix-xahar ta’ Novembru, bil-President Ukren, Volodymyr Zelensky, jirreferi għall-azzjoni bħala ‘eskalazzjoni viljakka tal-konflitt’.
Hu anki minnu li l-ewwel attakk kbir ta’ dan ix-xahar fuq l-infrastruttura tal-Ukrajna kien seħħ qabel l-Ukreni użaw il-missili għal fuq id-distanzi twal.
Hemm ukoll l-analisti li jaqblu li din l-istrateġija tal-gwerra min-naħa tal-Kremlin abbużat il-kriterji internazzjonali stabbiliti li suppost jevitaw l-azzjonijiet militari diretti fuq poplu ċivili.
//= $special ?>