Sport

Malta kklassifikata fl-ewwel post minn 40 lottatur f’tournament internazzjonali

Fi tmiem il-ġimgħa, il-Federazzjoni Maltija Lotta organizzat tournament internazzjonali, bil-parteċipazzjoni ta’ timijiet barranin bħall-Iskozja, Republika Irlandiża u r-Renju Unit. u li ħabat ukoll mal-55 sena mit-twaqqif tal-Fedrazzjoni Maltija.

Ħadu sehem iktar minn 40 lottatur b’kollox u l-avveniment sar fil-kumpless ta’ Sportmalta fil-Marsa.

It-tim Malti kien mgħamul minn taħlita ta’lottaturi ta’ esperjenza kif ukoll lottaturi ġodda li din swietilhom bħala l-ewwel esperjenza kontra lottaturi barranin. Hemm il-ħsieb li dan jibqa’ jsir kull sena għall-ġid tal-lottaturi kollha Maltin.

L-aħjar riżulatati inkisbu minn Gary Giordmaina u Nico Zarb li rnexxilhom jiksbu medalji f’żewġ kategoriji differenti. Gary rebaħ id-deheb kemm fil-kategorija 61kg kif ukoll dik tal-65kg. B’kollox rebaħ ħames kumbattimenti u ma sofra l-ebda telfa.

Minn naħa tiegħu, Nico rebaħ id-deheb fil-kategorija 79kg u Bronze fis-86kg. Lottaturi oħrajn Maltin li taw prestazzjoni tajba kienu Gabriel Caruana, Mark Bugeja, Nathaniel Buttigieg D’Ugo, Jean Carlo Benetti, Matthew Aquilina, Dejan Briffa, Luke Bugeja, Eren Erkayasi u Cedric Vella.

Malta spiċċat rebħet erba’ kategoriji minn disgħa biex b’hekk spiċċat fl-ewwel post tal-klassifika ġenerali tat-timijiet segwita mill-Irlanda fit-tieni post u l-Iskozja fit-tielet post.  

It-tim kien immexxi mill-kowċ nazzjonali Jesmond Giordmaina.

Dan sar possibbli bl-għajnuna ta Bridgepoint Malta, SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti.