Sport

Marsa St Michael isaħħu t-tielet post fil-kampjonat tal-MAFA

Marsa St Michael saħħew it-tielet post tal-klassifika meta ftit sabu diffikultà sabiex għelbu lil San Ġwann Pro Evolution Academy 4-0.

Il-Marsin għamlu l-intenzjonijiet ċari sa mill-bidu u stabbilixxew vantaġġ doppju sa tmiem l-ewwel taqsima grazzi għal Arthur Felippe Stelmach Santana u Juan Ortega Zarate. Fit-tieni taqsima, il-Marsin baqgħu konsistenti bit-tim Franċiż li sabha diffiċli li jwaqqaf il-furja tal-avversarji hekk kif Santana għaqqad doppjetta personali b’Anas Souhaile li żied ieħor.

Referee kien Lorry Sammut.

F’logħba oħra, Balluta Barracudas kienu dominanti u għelbu lil Mqabba Albions 6-0. Wara li sal-ewwel taqsima l-iskor kien 2-0, il-Cudas skorjaw erba’ gowls oħra li tawhom rebħa tennistika. Jake Chetcuti, Matthew Tortell, Andrew Tortell, Ruslan Borg, Mike Micallef u Daniel Zammit Lupi skorjaw għal Balluta Barracudas.

Referee kien Gjorgi Bitri.

It-tieni diviżjoni

Il-kampjonat tat-tieni diviżjoni qed jirriżulta f’wieħed ferm interessanti hekk kif l-ewwel erba’ timijiet huma separati biss b’punt.

Senglea Gunners laħqu lil Valletta Stars St Dominic fl-ewwel post tal-klassifika meta għelbu lil Żebbuġ Youngsters 3-2. L-ewwel taqsima kienet ferm bilanċjata hekk kif Andrea Rufa poġġa lil Senglea minn fuq għalkemm Ryan Fonseca ġab l-iskor indaqs għal Żebbuġ. Fit-tieni taqsima, il-logħba baqgħet tkun eċċitanti b’George Frendo u Glenn Bonello jiskorjaw żewġ gowls f’temp ta’ minuta għalkemm Fonseca għaqqad doppjetta personali u ħalla ftit tama għaż-Żebbuġin.

Referee kien Jules Ngangue.

Birżebbuġa St Peter’s AFC telgħu fit-tieni post tal-klassifika wara rebħa tajba ta’ 3-0 kontra Gudja Wanderers. Wara li Junior Ohalewe poġġa lil Birżebbuġa minn fuq seba’ minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima, Oussama Boutayeb u Liam Diamond skorjaw lejn l-aħħar tal-logħba.

Referee kien Onur Arslan.

It-tielet diviżjoni

F’logħba mimlija gowls, Qajjenza ACJ telgħu fit-tieni post tal-klassifika tat-tielet diviżjoni wara li għelbu lil St Paul’s Bay NMFC 9-5.

Qajjenza kienu diġà 5-1 minn fuq sa tmiem l-ewwel taqsima, bit-tieni 35 minuta li fihom skorjaw erba’ gowls oħra għalkemm lejn l-aħħar irrilassaw xi ftit bl-avversarji tagħhom li komplew naqqsu l-marġni tal-iskor. Ronnie Celeste kompla jżomm l-appuntament mal-gowl meta skorja erba’ gowls bi Precious Tenebe li kien awtur ta’ tripletta. Callum Cassar u Joseph Fenech għaqqdu l-iskor għat-tim min-naħa t’isfel ta’ Malta. Għal St Paul’s Bay NMFC Sherpa Ngodup skorja doppjetta filwaqt li Hang Sonu Limbu, Rai Sunil u Rochan Acharya għaqqdu l-ħames gowls.

Referee kien Karl Stefan Galea.

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Valletta St Paul’s 15; Għaxaq Wolves 13; Marsa St Michael’s 10; Balluta Barracudas 9; San Ġwann Pro Evolution Academy 4; San Ġiljan Saints, Ta’ Ġiorni Wanderers 1; Mqabba Albions 0.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI

Valletta Stars St Dominic, Senglea Gunners 10; Birżebbuġa St Peter’s AFC, Attard Edex Kings 9; Żebbuġ Youngsters 5; Ħamrun Amateurs 4; Gudja Wanderers 3; Ħal Far Titans 0.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI

Swieqi United AFC 12; Qajjenza AFC 7; Naxxar Victorians 5; St Paul’s Bay NMFC 1; Mosta Vikings 0.