Lokali Parlament

Mat-€12-il biljun dejn sas-sena d-dieħla u l-ministri jkomplu jitħanżru


– Jerome Caruana Cilia, PN


Id-dejn ta’ pajjiżna s-sena d-dieħla mistenni jitla’ għal madwar €12-il biljun, ċifra rekord li ssir aktar allarmanti fil-kuntest ta’ aktar skandli riċenti ta’ tberbiq ta’ flus minn Ministri qrib il-Prim Ministru Robert Abela. Hekk saħaq x-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia waqt dibattitu fil-parlament dwar l-Estimi tal-Ministeru għall-Finanzi.


Huwa fakkar kif mhux biss id-dejn li laħaq ċifri rekord – b’aktar min-nofsu jsir kemm ilu Robert Abela Prim Ministru, iżda li anke d-defiċit, jiġifieri kemm pajjiż jonfoq aktar milli jdaħħal f’sena, kompla jaqbeż il-limiti stabbiliti mill-Unjoni Ewropea biex pajjiżna spiċċa taħt l-Excessive Deficit Procedure.


“Qagħda finanzjarja stabbli hi prekursur għal iktar investiment. Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti li dan id-dejn kollu hu mażżra ma’ uliedna u ulied uliedna. Ħasra li l-flus tal-poplu qed jibqgħu jitberbqu bl-addoċċ u li l-kultura tal-“ma jimpurtanix, kulħadd qed jitħanżer” qed titħallas minn flus il-poplu. Hu anke għalhekk li, minbarra li hu etiku u moralment ġust, Robert Abela u sħabu għandhom jaraw li dak li nsteraq minn pajjiżna jitrodd lura”, insista d-Deputat Nazzjonalista Caruana Cilia fil-Parlament.


Tul id-diskors tiegħu, huwa kritika l-baġit 2025 bħala okkażjoni mitlufa li jonqos milli jipprovdi soluzzjonijiet għall-akbar problemi li qed jaffettwaw lin-nies, fosthom l-għoli tal-ħajja, it-traffiku, l-overpopulation bla pjanar, in-nuqqas ta’ governanza u l-isfidi f’oqsma bħall-edukazzjoni u s-saħħa. “Budget ieħor bla ideat, bidget ieħor bla direzzjoni. Gvern illi għejja. Gvern li qata’ qalbu li joffri soluzzjonijiet”.


Ix-Shadow Minister Nazzjonalista Caruana Cilia ikkwota wkoll żewġ rapport internazzjonali importanti ppubblikati fl-aħħar ġimgħat. Huwa nnota kif f’analiżi tal-ekonomija Maltija, l-aġenzija tal-credit rating Moody’s, filwaqt li ikkonfermat ir-rating ta’ Malta, li baqa’ l-istess, wissiet dwar il-pressjoni fuq l-infrastruttura tal-pajjiż, u ġibdet ukoll l-attenzjoni fuq kwistjonijiet oħra bħas-saltna tad-dritt, il-korruzzjoni, u l-ħasil tal-flus. Semma’ wkoll ir-rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali li kkonferma dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista li l-produttività f’pajjiżna jeħtieġ tiżdied biex ikollna tkabbir ekonomiku sostenibbli fuq tul ta’ żmien.


Fil-konklużjoni tiegħu, id-deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia fakkar kif in-nies iridu kwalità ta’ ħajja aħjar bil-fatti. “Irridu li l-fondi pubbliċi jintużaw għall-ġid komuni u mhux biex tal-qalba jkomplu jitħanżru. Dan hu l-pedament li fuqu tinbena politika li toffri lill-poplu Malti tama ġdida ta’ prosperità, li madanakollu hi mibnija fuq dak kollu li hu ġust. Pjan li jara li verament ħadd ma jibqa’ lura”, temm jgħid Jerome Caruana Cilia.