Ambjent Lokali

Stagno Navarra jingħata job ġdid mal-Gvern… fid-Direttorat tal-Pjanti

Il-preżentatur Laburista Karl Stagno Navarra mill-ġdid fl-aħbarijiet, wara li fl-aħħar jiem ingħata job ieħor mal-Gvern.

Rapporti mis-sit TheShiftNews qed jindikaw li Stagno Navarra issa sab ruħu fid-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Pjanti. Dan wara li qatta’ xi xhur impjegat mal-OHSA – li wkoll hija entità tal-Gvern.

S’issa għadu mhux ċar f’liema rwol se jkun qed jaħdem Stagno Navarra. Mhux ċar lanqas il-pakkett finanzjarju li ngħata.

L-istess ShiftNews qed jirrapporta li Karl Stagno Navarra ġie “impost” fuq id-Direttur li jmexxi dan id-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Pjanti. U agħar minn hekk, il-preżentatur Laburista ftit li xejn qed jitfaċċa fuq il-post tax-xogħol.

Dan id-Direttorat jimpjega numru żgħir ta’ nies li kollha huma esperti fil-kura tal-pjanti, b’uħud minnhom huma speċjalizzati f’oqsma relatati. Iżda Stagno Navarra ddaħħal f’dan il-post mingħajr ebda kwalifika jew esperjenza fil-kura tal-pjanti.