Lokali Qorti

Tabib se jiddetermina jekk allegata vittma hijiex tajba għall-interrogazzjoni fuq attentat ta’ qtil

Il-Qorti ħatret espert mediko-legali biex jiddetermina jekk l-allegata vittma f’attentat ta’ qtil hijiex tajba għall-interrogazzjoni. Il-Ħamis waranofsinhar reġgħu bdew il-proċeduri kriminali kontra John Oliver Kane ta’ 72 sena quddiem il-maġistrat Kevan Azzopardi.

L-Ingliż jinsab akkużat bl-attentat ta’ qtil tal-ġar tiegħu ta’ 70 sena u li weġġa’ gravi waqt ġlieda f’San Pawl il-Baħar aktar kmieni dan ix-xahar. Hu qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. L-ewwel li xhedet fis-seduta kienet mara mħarrka mid-difiża b’rabta ma’ rikors pendenti għal libertà proviżorja. Mistoqsija mill-avukat Joe Giglio, il-mara qalet lill-Qorti li hi u żewġha kienu ilhom jafu lill-akkużat għal xi 17-il sena.

Spjegat li spiss kienu jitaqgħu u kienu ħbieb tal-qalb. Ix-xhud żiedet jtħid li jekk Kane jingħata l-libertà proviżorja, hu u żewġu jistgħu jgħixu fid-dar tagħha f’Ħal Balzan. “Nafu li hemm problema u John ma jistax jirritorna d-dar tiegħu fil-Qawra, għalhekk qed noffru li ngħinuhom sakemm isibu post ieħor,” qalet ix-xhud qabel ħarġet minn fuq il-pedana tax-xhieda.

Waqt is-seduta, l-allegat vittma kellu jixhed fil-proċeduri kriminali, madankollu, l-ispettur Kurt Colombo Zahra informa lill-qorti li “ir-raġel ma kienx tajjeb għall-interrogazzjoni aħseb u ara biex jiġi l-qorti biex jixhed.”

Sal-ġimgħa li għaddiet, ir-raġel ta’ 70 sena kien għadu fil-periklu li jitlef ħajtu. L-Ispettur Italo Mizzi mbagħad spjega li kien infurmat minn Dr Mario Scerri li l-allegat vittma kien ħareġ mill-isptar. L-ispettur investigattiv imbagħad għamel kuntatt mal-vittma u talbu jirrapporta fl-Għassa tal-Qawra.

“Ir-raġel deher fraġli ħafna. Kien qed iżomm żaqqu. Waqt li l-uffiċċju tiegħi jinsab fl-ewwel sular, għedtlu li nistgħu nibqgħu nitkellmu fil-pjan terran peress li m’għandniex lifts fl-Għassa,” spjega Mizzi. L-allegat vittma, li għadu qed jirkupra mill-ġrieħi li ġarrab, ikkonforma u aċċetta li jipproċedi.

Qabel ma l-ispettur seta’ jibda l-interrogazzjoni, ir-raġel ried jaqsam miegħu problema personali, li kienet prinċipalment ‘flashbacks’ li jara lil Kane jolqot lilu kull darba li jagħlaq għajnejh. Ir-raġel beda joħroġlu l-għaraq u jibki, u dan wassal lill-ispettur biex iwaqqaf l-interrogazzjoni.

Minħabba l-kundizzjoni mentali u fiżika tiegħu, l-ispettur idderieġa lill-vittma lejn l-Aġenzija għall-Appoġġ għall-Vittmi. L-allegat vittma ngħata ukoll avukat tal-għajnuna legali. Waqt il-kontro-eżami, Mizzi kkonferma li l-allegat vittma kien se jiffaċċja interrogazzjoni xierqa.

L-uffiċjal investigatur kien ippressat biex jikkonferma jekk l-interrogazzjoni kienx se jsir bil-ħsieb li jinbdew proċeduri kriminali kontra r-raġel. L-ispettur spjega li ried jistaqsih dwar il-każ u jivverifika affarijiet oħra miegħu.

Mizzi kkonferma li l-interrogazzjoni kienet riżultat tax-xhieda differenti miġbura waqt l-investigazzjoni tal-każ. Colombo Zahra oġġezzjona għall-linja tal-interrogazzjoni hekk kif enfasizza li Mizzi kien qed jixhed bħala investigatur u mhux prosekutur, u hija l-prosekuzzjoni li tiddetermina jekk għandhiex toħroġ akkużi jew le.

L-ispettur qal ukoll li se jkunu qed jitolbu li jinħatar tabib mill-qorti biex jeżamina lill-allegata vittma. Il-Qorti, fid-dawl tax-xhieda ta’ Mizzi, ħatret lill-espert mediko-legali Mario Scerri biex jeżamina lill-allegata vittma sabiex jiġi stabbilit jekk hux tajjeb għall-interrogazzjoni u sussegwentement jidher quddiem il-qorti.

Il-qorti talbet lill-prosekuzzjoni u lit-tim investigattiv biex jiffaċilitaw l-imsemmi eżami. Il-Qorti żammet ukoll sospiża t-talba għal libertà proviżorja ppreżentata fit-13 ta’ Novembru wara talba mid-difiża. Il-każ ġie differit għat-Tnejn 2 ta’ Diċembru 12pm meta mistennija tixhed l-allegat vittma.

L-avukat tal-AĠ Kaylie Bonett u l-ispetturi Kurt Colombo Zahra u Italo Mizzi mexxew il-prosekuzzjoni. L-avukati Joe Giglio, David Bonello u Matta Giglio assistew lill-akkużat. Il-każ ippreseda l-Maġistrat Kevan Azzopardi.