Internazzjonali

Franza: Il-poplu ħerqan għall-ftuh mill-ġdid tal-Katidral ta’ Notre Dame fis-7 ta’ Diċembru

Il-Katidral ta’ Notre Dame f’Pariġi, li fl-2019 inħakem min-nirien devastanti, se jerġa’ jiftaħ uffiċjalment fis-7 ta’ Diċembru.

Dan il-katidral storiku hu fost l-akbar attrazzjonijiet fi Franza, sinonimu mal-patrimonju nazzjonali…U n-nirien li, fost oħrajn, kienu qerdu l-istruttura ta’ fuq il-katidral anki taw daqqa ta’ stallett f’qalb il-poplu Franċiż, b’mijiet, f’Pariġi, jaraw b’għajnejhom il-fjammi telgħin mill-katidral mibni fi stil Gotiku.

Intant, il-ħidma tar-ristrutturar kompliet bla waqfien tul is-snin u fl-aħħar sigħat, il-President Franċiż, Emmanuel Macron – waqt l-ewwel żjara biex jara r-restawr komplut tal-katidral – tenna li l-ħidma riflettiet sens ta’ impenn, devozzjoni u tama li ftit rajna bħalu.

It-‘tour’ tal-knisja minn Macron ixxandar fuq il-mezzi tax-xandir lokali u bix-xeni tal-intern tal-katidral irrestawrat ikunu wkoll trasmessi lid-dinja.

Il-President Macron, intant, esprima l-gratitudni tiegħu u tal-Franċiżi kollha għas-solidarjetà li l-istituzzjonijiet u l-pajjiżi tad-dinja wrew magħhom wara n-nirien traġiċi. Ringrazzjament speċjali kien indirizzat lid-donaturi li kienu strumentali fil-proġett tar-restawr tal-katidral…Proġett li sewa xejn anqas minn 700 miljun ewro.

Il-Katidral ta’ Notre Dame, għalissa, għadu mhux miftuħ lill-pubbliku iżda l-avveniment tas-7 ta’ Diċembru mistenni jqanqal arja kbira ta’ ċelebrazzjoni fuq livell nazzjonali….Avveninent li diġà qed jissemma bħala ‘l-isbaħ rigal lill-poplu Franċiż qabel il-Milied’.

Fid-diskors tallum, wara l-konklużjoni tat-‘tour’, il-President Macron enfasizza li n-nirien ta’ April tal-2019 mhux biss affettwaw lill-Franċiżi kollha iżda anki lill-Kattoliċi madwar id-dinja. Hu faħħar ħafna lill-membri tal-iskwadri għat-tifi tan-nirien li wrew kuraġġ enormi waqt l-emerġenza u li fi kliemu stess ‘salvaw lill-katidral minn qerda totali’.

Macron kompla li l-ġenerożità tad-donaturi iffaċilitat il-proġett tar-restawr u il-‘bini mill-ġdid’ tal-Katidral — filwaqt li sostna li ‘il-pajjiż se jibqa’ grat lill-ħaddiema nvoluti f’dan ir-restawr u li dedikaw ħames snin minn ħajjithom għall-proġett’.

Fl-istess waqt, il-President Franċiż  radd ġieh lil Jean-Louis Georgelin – Ġeneral tal-Armata rtirat li kien mexxa r-rikostruzzjoni tal-Katidral sa ftit qabel mewtu matul is-sena li għaddiet.