Internazzjonali

Il-Ġorġja: Rabja u protesti kbar wara li l-Gvern jissospendi l-proċess għall-isħubija fl-UE

Il-Gvern tal-Ġorġja qed ikun akkużat dwar aġir ‘anti-Kostituzzjonali’ wara li sospenda l-proċess biex din ir-Repubblika tal-Kawkasu – li darba kienet tifforma parti mill-eks Unjoni Sovjetika komunista —  tissieħeb fl-Unjoni Ewropea matul is-snin li ġejjin.

Dan waqt li folol kbar ta’ Ġorġjani, fil-lejl tal-Ħamis u fis-sigħat bikrin tallum, imlew it-toroq ta’ Tbilisi biex jesprimu r-rabja u kundanna għall-Gvern li jrid jiċħadhom minn futur bħala parti mill-Familja Ewropea…..Kundanna partikulari kienet għall-aġir tal-Gvern Ġorġjan attwali biex imexxi ‘skont l-aġenda tar-Russja u bi sfida sfaċċata għar-rieda tal-poplu’.

Il-pulizija għal kontra l-irvellijet fi Tbilisi użaw il-kanuni tal-ilma u l-pepper spray għal fuq id-dimostranti li kienu qegħdin jgħajjtu s-slogans kontra l-Gvern. F’dawn is-sigħat mimlijin bit-tensjoni saru wkoll l-għexieren tal-arresti, b’bumru ta’ nies jispiċċaw midruba.

Saru wkoll protesti kbar oħrajn fil-belt ta’ Kutaisi.

Il-furja tan-nies kienet ‘immedjata’ wara li l-Prim Ministru Ġorġjan, Irakli Kobakhidze, qal li l-Gvern tiegħu kien qed jabbanduna l-proċess għall-isħubija (tal-pajjiż) fl-UE sal-aħħar tal-2028…..Aħbar li anki qanqlet reazzjonijiet ta’ disapprovazzjoni min-naħa ta’ xi 100 diplomat li esprimew l-inkwiet tagħhom għall-futur tal-Ġorġjani li jistgħu qed jiffaċċjaw snin ta’ awtokrazija.

Il-Prim Ministru Kobakhidze, intant, kien akkuża lill-UE dwar ‘rikatt’ wara li l-leġislaturi fi Brussell insistew għal ripetizzjoni tal-elezzjonijiet parlamentari tax-xahar li għadda fil-Ġorġja….Elezzjonijiet li fi kliem il-leġislaturi kienu karatterizzati ‘bl-irregolaritajiet sinifikanti’.

Ir-Repubblika tal-Ġorġja ilha mill-2012 immexxija mill-Partit għall-Ħolma Ġorġjana…Partit li jrid ibiegħed lill-pajjiż mill-UE u jesponih aktar għall-influwenza tar-Russja.

Il-partit inkwistjoni kien insista pubblikament li rebaħ l-elezzjoni tax-xahar li għadda iżda d-deputati tal-Oppożizzjoni qegħdin jibbojkottjaw lill-Parlament ġdid fost akkużi dwar ‘kampanja sistematika ta’ frodi’ waqt il-votazzjoni.

Min-naħa tagħha, il-President tal-Ġorġja,  Salome Zurabishvili, li hi pro-Ewropa, fissret il-Parlament magħmul minn partit wieħed bħala ‘anti-Kostituzzjonali’.

Il-Parlament Ewropew, issa, appoġġja riżoluzzjoni li fissret l-elezzjoni ta’ jiem ilu fil-Ġorġja bħala ‘l-aħħar fażi tal-kriżi demokratika fil-pajjiż’ u fost l-osservazzjoni li l-kriżi hi dovuta ‘kollha kemm hi’ għall-Partit li qed imexxi lill-Gvern fi Tbilisi.

L-istess Assemblea qed tesprimi tħassib partikulari dwar  ir-rapporti kontinwi dwar l-intimidazzjoni tal-votanti Ġorġjani – u fost rapporti oħra dwar xiri ta’ voti, manipulazzjoni tal-proċess elettorali u theddid fil-konfront tal-osservaturi politiċi fil-Ġorġja.

Sadanittant, il-Parlament Ewropew ħeġġeġ anki s-sanzjonijiet kontra l-Prim Ministru Kobakhidze flimkien ma’ uffiċjali oħrajn Ġorġjani, fosthom  Bidzina Ivanishvili, li hu l-fundatur tal-partit li ilu l-aħħar snin imexxi lill-Gvern tal-Ġorġja.