Ambjent Lokali

“Il-kaċċa illegali fis-santwarji tal-għasafar tenfasizza l-ħtieġa urġenti għal infurzar aktar b’saħħtu” – Birdlife Malta

Matul il-ġimgħa li għaddiet, BirdLife Malta rrappurtat lill-Pulizija żewġ każijiet ta’ kaċċa illegali f’zoni protetti tas-santwarji tal-għasafar fil-Buskett u f’Kemmuna. Dawn l-atti, li saru bi ksur tal-liġijiet tal-konservazzjoni tal-għasafar f’Malta, juru xejra allarmanti ta’ impunità fost il-kaċċaturi u jenfasizzaw il ħtieġa urġenti ta’ infurzar aktar b’saħħtu, speċjalment f’dawn iz-zoni protetti li għandhom ikunu ħielsa mill-kaċċa u l-insib.

Skont ir-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi ta’ Malta (Leġiżlazzjoni Sussidjarja 549.42), is-santwarji tal-għasafar huma zoni protetti fejn il-kaċċa u l-insib tal-għasafar selvaġġi huma sttrettament projbiti. Dawn inħolqu tul is-snin f’diversi siti Natura 2000 u siti oħra ta’ interess biex jipproteġu l-għasafar u l-ambjent naturali, kif ukoll biex jillimitaw kunflitti bejn il-kaċċa u attivitajiet oħra tal-bniedem. Fi-22 ta’ Novembru 2024, żjara fil-Buskett wara rapporti ta’ kaċċaturi li kienu qed ifittxu l-gallina (Woodcock) f’din iz-zona, irriżultat f’filmati ta’ żewġ kaċċaturi li kienu qed jikkaċċjaw b’mod trankwill fil-Buskett. Xhud irrekordja l-att u rrapporta l-każ lill-Pulizija tal-EPU, li aġixxew malajr u qabdu liż-żewġ kaċċaturi fuq il-post, ikkonfiskawlhom is-snieter u issa mistennija jressquhom il-Qorti.

F’inċident separat, proprju lbieraħ, fis-27 ta’ Novembru 2024, ittieħed filmat ta’ kaċċatur li kien qed iħuf bil-klieb f’Kemmuna, santwarju ieħor protett mifrux mal-gżira kollha. Għal xhur sħaħ, kaċċaturi kienu qed imorru fuq il-gżira jħufu bil-klieb tal-kaċċa mingħajr kontroll ta’ xejn, u dan ta lok għall-kaċċa illegali bla xkiel f’Kemmuna minħabba nuqqas ta’ uffiċjali tal-infurzar. Filmati miġbura minn BirdLife Malta wasslu biex is-suspettat se jitressaq il-Qorti mill-Pulizija ta’ Għawdex.

Għalkemm is-santwarji tal-għasafar huma protetti bil-liġi fuq il-karta, din il-protezzjoni hija inutli jekk ma tkunx sostnuta bir-riżorsi meħtieġa għall-infurzar. Is-santwarji tal-għasafar iservu bħala zoni ta’ sigurtà għall-għasafar li jpassu kif ukoll għall-għasafar li jbejtu f’Malta, kuntrarju għall-bqija taz-zoni rurali madwar il-Gżejjer Maltin fejn il-kaċċa u l-insib huma permessi. “Dawn l-inċidenti jenfasizzaw il-ħtieġa urġenti li awtoritajiet bħall-ERA, il-WBRU, u l-Pulizija jżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw li z-zoni protetti żgħar ta’ Malta jkunu verament imħarsa. Il-fatt li kaċċaturi jistgħu jisparaw fuq għasafar f’sit protett Natura 2000 bħal Kemmuna, juri n-negliġenza lejn dawn is-siti u n-nuqqas ta’ għarfien mill-aġenziji mħallsa mit-taxxi tal-poplu biex jaqdu dmirhom u jipproteġuhom,” irrimarka Nicholas Barbara, Kap tal-Konservazzjoni ta’ BirdLife Malta.

Filwaqt li BirdLife Malta faħħret l-isforzi tal-EPU u tal-Pulizija ta’ Għawdex għall-azzjonijiet ta’ infurzar tagħhom, huwa ċar li għandu jsir aktar biex tkun assigurata l-protezzjoni tas-santwarji tal-għasafar. Infurzar aktar b’saħħtu, monitoraġġ regolari u preżenza akbar huma essenzjali biex jiġu salvagwardjati dawn iz-zoni vitali għall-flora, il-fawna u l-abitati tagħna. Fin-nuqqas tagħhom, l-għajnuna indispensabbli tal-voluntiera u tal-organizzazzjonijiet bħal BirdLife Malta tibqa’ essenzjali biex timla l-lakuni fl-infurzar.