Edukazzjoni Lokali

Ir-Regolatur tal-Edukazzjoni Għolja f’pajjiżna mċaħħad li jissieħeb fir-Reġistru Ewropew

Fil-Parlament Malti, ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja Justin Schembri qajjem il-punt dwar kif ir-regolatur uffiċjali ta’ Malta għall-akkreditazzjoni tal-edukazzjoni ogħla u l-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata Ogħla (MFHEA), ġiet miċħuda milli tissieħeb mar-Reġistru Ewropew tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni Għolja (EQAR), daqqa ta’ ħarta sinifikanti għall-kredenzjali internazzjonali tal-edukazzjoni għolja f’pajjiżna.

Fi kliem ix-Shadow Minister Justin Schembri huwa tal-mistħija kif aġenzija tagħmel tant ġid biex imbagħad il-gvern iwaqagħlha ix-xogħol kollu li tagħmel.

Dan il-pass isegwi reviżjoni esterna tal-awtorità regolatorja ta’ Malta fejn l-MFHEA ppruvat ukoll tingħaqad mal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja (ENQA), iżda l-proċess inżamm fil-magħluq dan hekk kif Justin Schembri saħaq fuq kif dan ir-rifjut ġie moħbi mill-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima ammetta li l-MFHEA ġiet miċħuda minn sħubija kemm fir-reġistru kif ukoll fl-organizzazzjoni tal-assigurazzjoni tal-kwalità iżda ma ta l-ebda dettalji dwar ir-raġunijiet għaċ-ċaħda.

Il-Ministru insista li r-reviżjoni esterna mhux ippubblikata sabet li l-MFHEA ma kienet qed tikser l-ebda standard Ewropew maħsub mill-organizzazzjoni.

Justin Schembri saħaq kif l-aġenzija għadha qed tipprova tifhem x’mar ħażin, iżda huma rrabjati ferm li uffiċjali fi ħdan ir-regolatur applikaw għas-sħubija meta l-aġenzija kienet għadha mhux ippreparata. Dan filwaqt li deċiżjonijiet kontroversjali meħuda mill-MFHEA fis-snin li għaddew naqqsu ċ-ċans tagħha li tingħaqad mal-assoċjazzjonijiet Ewropej tal-assigurazzjoni tal-kwalità.