Fis-sena li matulha qed tfakkar il-25 anniversarju mit-twaqqif tagħha, l-Għaqda Wirjiet San Ġużepp Ħaddiem ser tkun qed terġa’ torganizza l-Wirja Annwali tal-Presepji. Din ser issir fiċ-Ċentru Parrokkjali San Ġużepp Ħaddiem, nru. 71, Triq Bwieraq, Birkirkara.
Fil-wirja ta’ din is-sena, li hija l-21 edizzjoni minn meta ttellgħet għall-ewwel darba lura fl-2003, ser ikun hemm esebiti ‘l fuq minn 100 presepju ta’ kull daqs u għamla, kif ukoll Bambini, dekorazzjonijiet u oġġetti oħra relatati mal-Milied. Fil-biċċa l-kbira tagħhom, l-oġġetti għall-wiri huma magħmulin bl-idejn mill-esebituri nfushom.
Il-Wirja ser titbierek mir-Rev. Dun Charlon Muscat, Kappillan tal-Parroċċa San Ġużepp Ħaddiem Birkirkara, nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Diċembru, fil-5:30pm. Tibqa’ mbagħad tiftaħ kuljum sal-Ġimgħa 27 ta’ Diċembru, mid-9:00am sa 12:00pm u mill-4:00pm sat-8:00pm. Il-post huwa aċċessibbli għal kulħadd u d-dħul huwa kompletament mingħajr ħlas.
Aktar dettalji dwar din il-Wirja, kif ukoll dwar l-Għaqda Wirjiet, jistgħu jinkisbu minn fuq ilpaġna tal-Għaqda fuq Facebook.
//= $special ?>