“Inti trid Gvern normali, Prim Ministru ħieles li jieħu d-deċiżjonijiet bla ma ħadd jiġbidlu l-ispaga. U dan mhux il-Partit Laburista u Robert Abela nnifsu.”
Kien dan li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech waqt intervista li kellu fil-programm Opinjoni fuq NET Television bi preżentazzjoni ta’ Dione Borg. Huwa qal dan waqt li kien qed jitkellem l-aħħar skandli li ħarġu fil-beraħ li ħonqu mhux biss lill-Partit Laburista iżda saħansitra lil pajjiżna kollu.
Kien hawnhekk kif fakkar li filwaqt li aħna nirsistu għal kull ċenteżmu li ndaħħlu f’butna, il-Labour qed jaħtaf kull ċenteżmu minn butna stess.
“Int jiġru warajk biex trodd kull ċenteżmu u huma jużaw flusek ħażin. Anzi jisirquhom u jqassmuhom bejniethom.”
Bernard Grech fakkar kif il-Partit Nazzjonalista ilu għal dawn l-aħħar snin jirsisti favur il-poplu Malti u Għawdxi iżda l-Gvern Laburista baqa’ jinjora s-soluzzjonijiet provduti.
“Tajnikom soluzzjonijiet fuq platt imma ma jwettqu xejn għax moħħhom fihom infushom.”
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal ukoll kif il-bidla tista’ sseħħ bl-għajta tal-poplu Malti u Għawdxi kollu f’daqqa.
“Il-bidla nistgħu nwettquha flimkien. Intom flimkien magħna nistgħu noħorġu lil pajjiżna minn dan l-isqaq li daħal fih.”
Bernard Grech wassal l-appelli tiegħu dwar il-protesta ta’ nhar it-Tnejn.
“Nhar it-Tnejn insejjaħlek biex twassal messaġġ ħalli tal-Labour ma jkunux iżjed arroganti.”
//= $special ?>