Basketball Sport

Kampjonat BOV Irġiel: Rebħa drammatika għall-Athleta kontra Valletta

(Ritratt: Valletta BC)

Colin Schembri

Athleta AtoZ………………85

Valletta Lions……………..82

(18-20)(21-22)(27-14)(19-26)

Three pointer ta’ Billy Zammit fl-aħħar tlett sekondi ddeċieda din il-partita favur Athleta AtoZ li b’hekk ħadu t-tieni rebħa fil-kampjonat u l-ewwel waħda fuq Valletta dan l-istaġun. Il-partita kellha fażijiet diversi fejn Valletta għaddew minn vantaġġ ta’ 10 punti fit-tieni sessjoni għal żvantaġġ ta’ 14 -il punt fir-raba’ sessjoni u parita fl-aħħar minuta. Maxwell Amoafo qiegħed jintegra ruħu sew fit-team ta’ Athleta fejn issa qiegħed ikollu aktar spazju madwar iż-żona Kurt James u b’hekk Athleta jvarjaw aktar il-logħba tagħhom. Il-partita bdiet bit-team ta’ Valletta jmorru 7-2 minn fuq bi trippla minn Nikola Vasovic u baskets ta’ Eric Terry. Athleta wieġbu bi trippla ta’ Robert Vitale però Valletta żammew il-vantaġġ grazzi għall-punti ta’ Piotr Stelmach’. Athleta rnexxielhom inaqqsu d-distakk wara trippli minn Caleb Matthews u James biex l-ewwel taqsima għalqet b’Valletta fuq quddiem 20-18. Fit-tieni sessjoni, Valletta żiedu l-vantaġġ tagħhom permezz ta’ Terry u Stelmach u marru 8 minn fuq 30-22. Athleta rrispondew grazzi għal punti ta’ Amoafo u Matthews flimkien ma’ Gabriel Cassar. Lejn it-tmiem kien hemm trippla fuq kull naħa minn Zammit u Stefan Vincic għal skor ta’ 42-39 favur Valletta.

Athleta ħarġu b’determinazzjoni fit-tielet perjodu u irkupraw il-vantaġġ b’run ta’ 12-2 grazzi għat-trippli minn Isaac Xuereb u Matthews. Stelmach żamm lil Valletta viċin però Amoafo kien protagonist fi break ta’ 8-2 minn Athleta li rahom ikabbru l-vantaġġ fi tmiem is-sessjoni 66-56. Fl-aħħar perjodu, Athleta fetħu vantaġġ massimu ta’ 14 -il punt fit-tielet minuta 74-60 wara punti minn Matthews, James u Robert Vitale. Valletta għamlu sforz biex jerġgħu jidħlu fil-logħba fejn Terry u Vasovic bdew inaqqsu d-distakk b’punti kontinwi bi break ta’ 15-4. Matthews u James żammew lil Athleta fuq quddiem però Valletta kisbu parità ta’ 82-82 grazzi għal Stelmach. Wara attakki żbaljati fuq iż-żewġ naħat, Zammit għamel trippla deċiżiva fl-aħħar sekonda biex ta rebħa emozzjonanti lil Athleta fuq skor finali ta’ 85-82.

Athleta AtoZ: B. Zammit 3, R. Vitale 6, A. Garcia, C. Matthews 19, I. Xuereb 6, M. Amoafo 16, K. James 21, M. Farrugia, L. Borg, J. Cefai 4, G. Cassar 2.

Valletta Lions: N. Grech 9, F. Mifsud Bonnici 10, P. Stelmach 20, A. Attard, D. Schembri, J. Camilleri, N. Vasovic 17, S. Vincic 3, E. Terry 23.

Referees: Bernard Vassallo, Fiorentina Ciurariu, Zvezdan Dobrosaviljevic

Hibernians…………..109

Tigers……………………80

(34-18)(29-18)(23-30)(23-14)

Hibernians kisbu rebħa konvinċenti fuq Tigers b’prestazzjoni dominanti f’kull sessjoni minkejja li kienu mingħajr l-Amerikani Tederick Wolfe u Derek Brown kif ukoll Ivan Demcesen. Għal dan pattew players bħal Neil Cassar, Miguel Mallia u Matthew Gouder, filwaqt li Serge Hamparsoumian u Nathan Akade ppruvaw iżommu lil Tigers fil-logħba. Hibernians bdew tajjeb ferm, b’Gouder u Mallia jiddominaw bil-punti u t-trippli tagħhom flimkien ma’ Cassar, u temmew l-ewwel sessjoni 34-18 minn fuq. Fit-tieni taqsima, Hibs komplew iżidu d-distakk grazzi għal fast breaks u kellhom diversi punti minn Anton Axiaq u Matthew Attard. Hamparsoumian  u Akade bi trippla wieġbu għal Mosta qabel ma Hibs għamlu run ta’ 11-0 u daħlu fl-intervall fuq quddiem 63-36.

Fit-tielet sessjoni, Tigers sabu ċans inaqqsu d-distakk b’aktar punti minn Hamparsoumian u Akade flimkien ma’ Sassoun Saakian, Daryyl Pisani u Keith Micaller. Axiaq u Attard  komplew iwieġbu għal Hibernians biex żammew vantaġġ komdu ta’ 20 punt 86-66. Hibernians komplew jiddominaw fl-aħħar taqsima, bi Stefan Simic u Teo Gjurovski jagħmlu aktar punti biex temmew b’rebħa kbira ta’ 109-80.

Hibernians: N. Cassar 23, P. Attard 2, V.Kustodija 9, A. Axiaq 17, M. Gouder 14, M. Attard 18, T. Gjurovski 4, M. Mallia 7, I. Demcesen, S. Simic 15.

Tigers: D. Pisani 8, S. Hamparsoumian 24, D. Borg 2, N. Akade 15, K. Micaller 16, M. Jalkh 2, S. Saakian 9, D. Militello 4.

Referees: Fiorentina Ciurariu, Nicky Azzopardi, Miguel De Flavia.