Lokali

Robert Abela jibqa’ jiddefendi lil Clint Camilleri

Ir-Rapport tal-Kummissarju tal-Istandards għamilha ċara li l-Ministru Clint Camilleri nstab ħati ta’ ksur tal-etika. Iżda, Robert Abela qed jibqa’ jinsisti li hu ħa deċiżjoni finali dwar Clint Camilleri, u allura dan se jibqa’ jifforma parti mill-Kabinett tiegħu.

Meta kien mistoqsi f’Kastilja dwar l-iskandli tal-mara ta’ Clayton Bartolo, Amanda Muscat, huwa qal li hi rritornat il-flus; xi ħaġa li għamlitha wara li nqabdet tisraq minn but il-poplu Malti u Għawdxi.

Dawn l-eluf ta’ ewro li ħadet Amanda Muscat ittieħdu għal xogħol fantażma mal-Ministru Clint Camilleri hekk kif ma ppreżentatx imqarr email waħda bi prova ta’ xogħol. Apparti l-eluf ta’ ewro li allegatament ħadet fuq ftehim separat li għamlet ma’ kumpanija Taljana.

Robert Abela kien qed iwiegeb dawn id-domandi wara konferenza tal-aħbarijiet dwar il-Ftehim Kollettiv għall-ħaddiema taċ-ċivil; liema Ftehim Kollettiv kien ikun ferm iktar b’saħħtu li kieku l-Gvern ma tajjarx miljuni kbar fuq skandlu wara l-ieħor.

U mistoqsi jekk hux se jkun qed jilqa’ lil Clayton Bartolo lura fil-Kabinett fiż-żmien li ġej, l-istess bħalma sar ma’ Rosianne Cutajar, huwa ma kkommettix ruħu li dan mhux se jkun qed isir.

Intant, mistoqsi dwar il-letturi tal-MCAST, Abela rrikonoxxa li l-istudenti qed jiġu milquta sew, iżda għadu s’issa bla ebda soluzzjoni, bil-Gvern qed jibqa’ jkaxkar saqajh mal-edukaturi fl-MCAST, b’detriment fuq l-istudenti.