Lokali Qorti

Sitt snin ħabs kull wieħed għal żewġt irġiel li taw in-nar bieb ta’ residenza

Żewġt irġiel ġew kundannati sitt snin ħabs kull wieħed talli seba’ xhur ilu taw in-nar lill-bieb ta’ barra ta’ dar ta’ familja f’Ħal Tarxien. Manuel Abela ta’ 31 sena minn Ħaż-Żabbar u Spiridione Costa ta’ 59 minn Raħal Ġdid, kienu tressqu l-Qorti jiem wara li n-nirien ħakmu fil-proprjetà fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu tal-15 ta’ April.

Filmati tas-CCTV miġbura minn fuq il-post ikkonfermaw is-suspetti tal-Pulizija li dan kien każ ta’ ħruq. Filmati wrew raġel jersaq lejn ir-residenza b’borża kbira f’idu. Aktar tard inġabar tajer maħruq mis-sit. Wara li n-nirien ħakmu fil-bieb ta’ barra, is-suspettat ħarab f’karozza li sussegwentement ġiet rintraċċata f’Raħal Ġdid.

Filmati minn dak il-post urew żewġt irġiel fejn ir-residenza u jersqu viċin id-dar li sofriet diversi ħsarat. Dawk l-irġiel sussegwentement ġew identifikati permezz ta’ filmati bi nhar bħala Abela u Costa. Il-koppja tressqu l-Qorti u fil-bidu wieġbu mhux ħatja għal sensiela ta’ akkużi.

Meta ġie arrestat, Abela kellu ferita fuq imnieħru. Eżami mediku kkonferma li kienet marka ta’ ħruq, u b’hekk kompla jissaħħu s-suspetti tal-investigaturi. L-irġiel, it-tnejn ma jaħdmux, ġew akkużati b’mod konġunt bi ħruq, li kkawżaw ħsara volontarja fuq proprjetà ta’ terzi, li kisru l-paċi pubblika u li kisru l-mistrieħ tar-residenti.

It-tnejn kienu mixlija wkoll li kienu reċedivi. Costa kien akkużat separatament b’sewqan imprudenti u perikoluż, li injora sinjal ta’ ebda dħul kif ukoll li għex ħajja vagabond u inattiva. Abela kien mixli separatament li rema materjal ta’ skart f’post pubbliku.

Il-proċeduri kontrihom komplew. Iktar reċentement, iż-żewġ koakkużati ma baqgħux iwieġbu mhux ħatja u rreġistraw ammissjoni li kkonfermawha wara li ngħataw żmien biex jerġgħu jikkunsidrawha. Fid-dawl ta’ dik l-ammissjoni l-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima, ikkundannat lil kull wieħed mill-koakkużati għal sitt snin ħabs effettivi u ordni biex il-vittmi jingħataw lura €10,454.95 fi żmien sena.

Abela ġie mmultat €150 filwaqt li Costa ġie mmultat €500 u pprojbit milli jsuq għal sitt xhur wara li jservi s-sentenza ta’ ħabs. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni valida għal tliet snin minn meta l-akkużati jkunu servew il-piena ta’ priġunerija u ntrabtu taħt garanzija personali ta’ €2000 għal sena.

L-avukat tal-AĠ Joseph Camilleri Azarov u l-Ispetturi Mario Xiberras u Jeffrey Scicluna mexxew il-prosekuzzjoni.