Sport

Skwadra kompetittiva tal-Exiles tirbaħ diversi midalji fl-għawm fir-Renju Unit

Il-ġimgħa li għaddiet, is-sezzjoni tal-għawm tal-Exiles Sports Club ipparteċipat fl-Atlantis Christmas Cracker Meet li sar fil-Pavillions in the Park, Horsham, fir-Renju Unit. It-tim mar ir-Renju Unit bi grupp ta’ 14-il għawwiem bl-etajiet ivarjaw bejn id-9 u l-20 sena, li minn fosthom ħamsa kienu qed jikkompetu internazzjonalment għall-ewwel darba. F’din il-kompetizzjoni, l-iskwadra kompetittiva ta’ Exiles kisbet riżultati pożittivi b’rebħ ta’ diversi midalji frott tax-xogħol li sar matul ix-xhur tas-sajf.

It-tim kien immexxi mill-kowċis Tim Hartley u Edward Caruana Dingli u kien appoġġjat minn SportMalta. L-għawwiema kollha kisbu personal bests jew season bests fil-kompetizzjonijiet tagħhom, li hija sinjal pożittiv għall-parteċipazzjoni tagħhom li jmiss fl-ewwel Kampjonati Nazzjonali ASA Short Course.

L-għawwiema li ħadu sehem reġgħu lura Malta b’numru ta’ midalji fi ħdan il-gruppi tal-età tagħhom, kif ukoll ribbons li kienu mogħtija għall-klassifikazzjonijiet bejn ir-4 u s-6 post fil-kategoriji taħt it-12-il sena.

Il-midalji mirbuħa mill-għawwiema Maltin:

  • Bea Busuttil – Grupp tal-Età 13
    • Deheb: 100m u 200m Breaststroke
    • Fidda: 50m Breaststroke
  • Jax Ciantar Gatt – Grupp tal-Età 9 u taħt
    • Fidda: 100m Freestyle u 100m Breaststroke
    • Bronż: 50m Butterfly
    • Ribbons: 50m Freestyle (4th) u 100m IM (6th)
  • Cristina Felice – Grupp tal-Età 16 u aktar
    • Bronż: 400m IM
  • Maggie Marshall – Grupp tal-Età 14
    • Deheb: 400m Freestyle
    • Bronż: 200m Freestyle u 200m IM
  • Kyle Mifsud – Grupp tal-Età 16 u aktar
    • Fidda: 400m Freestyle
    • Bronż: 200m Backstroke
  • Julian Spiteri Staines – Grupp tal-Età 10
    • Ribbons: 100m Breaststroke (5th) u 50m Butterfly (6th)

Il-kowċis Tim Hartley u Edward Caruana Dingli esprimew sodisfazzjon kbir għar-riżultati tat-tim, u kkummentaw li dawn ir-riżultati pożittivi kienu frott ix-xogħol iebes li sar matul ix-xhur tas-sajf u fil-preparazzjoni għall-avveniment. Huma nnutaw ukoll kif dan il-grupp ta’ għawwiema qed jagħti eżempju pożittiv lill-għawwiema iżgħar li qed jitilgħu, kemm fil-ħidma tagħhom kif ukoll fil-prestazzjoni u l-imġiba.

Wara l-kompetizzjoni, l-iskwadra issa qed terġa’ lura għat-taħriġ biex tipprepara għall-Kampjonati Nazzjonali li ġejjin. Fl-istess ħin, l-Iskola tal-Għawm tal-Exiles SC qed tipprepara biex tittrasferixxi l-klassijiet kollha tagħha għall-pixxina ġdida fil-Mediterranean College of Sport f’Birkirkara, fejn qed tħares ’il quddiem biex tkompli toffri lezzjonijiet ta’ għawm għal persuni ta’ kull età f’din il-faċilità ġdida.