Lokali

“Taħt il-Labour, skandlu jnessik ieħor” – PN

Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar sparpaljar ta’ riżorsi tal-Malta Film Commission minn Clayton Bartolo inkines taħt it-tapit

Taħt il-Labour, skandlu jnessik ieħor.

Ftit qabel ma ħareġ ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li sab lil Clayton Bartolo u lil Clint Camilleri ħatja li ffrodaw lill-poplu Malti bl-impjieg fantażma tal-mara ta’ wieħed minnhom mal-Ministeru tal-ieħor, l-Awditur Ġenerali ppubblika rapport li għal darba oħra hu ċertifikat ta’ falliment għal Clayton Bartolo.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata miċ-Chairman tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi u Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi Darren Carabott, u mix-Shadow Minister għall-Amministrazzjoni Pubblika, ix-Xandir Pubbliku u l-Ġlieda Kontra d-Dijabete Claudette Buttigieg, kien spjegat kif fir-rapport tiegħu l-Awditur Ġenerali kkundanna l-mod kif ġew amministrati r-riżorsi tal-Malta Film Commission taħt l-Eks Ministru Clayton Bartolo.

Dan ir-rapport, li sab bosta nuqqasijiet, inkines taħt it-tapit bit-tama li ħadd ma jerġa’ jitkellem fuqu u jintesa.

Fost in-nuqqasijiet instab li:

  • Il-Kummissjoni Maltija tal-Films ma kellha l-ebda bażi soda ta’ strateġija jew business plan għan-nefqa tal-Malta Film Week
  • Il-Kummissjoni Maltija tal-Films ma pprovdietx rekords ta’ accounts u kuntratti – tant li l-Awditur Ġenerali ma setax jasal għan-nefqa sħiħa ta’ kemm swiet il-Malta Film Week
  • Il- Kummissjoni Maltija tal-Films ma tatx prova li n-nefqa ta’ miljuni fil-Malta Film Week kienet value for money
  • Il-Kummissjoni Maltija tal-Films kellha nuqqasijiet fil-governanza tajba – saħansitra ma pprovdietx lill-Awditur Ġenerali bil-minuti u ma tatx dettalji serji tan-nefqa li saret fil-Malta Film Week
  • In-nuqqas ta’ audit trail serju jwassal għal nuqqas ta’ kontinwità ta’ business, u nuqqas fil-prinċipji ta’ trasparenza, kontabbiltà, regolarità u value for money.

Dan ir-rapport hu ċertifikat ieħor ta’ kif il-Gvern tal-Labour u dawk ta’ madwaru jħarbtu l-fondi pubbliċi u jużawhom biex igawdu huma, eżatt bħalma għamlu fil-każ ta’ Amanda Muscat.

Meta Clayton Bartolo u Clint Camilleri ħolqu l-impjieg fantażma għall-ħabiba ta’ Bartolo, kienu qed jikkonfoffaw biex jiffrodaw lill-poplu.

Hu għalhekk li ma jagħmilx sens li l-Prim Ministru qed jibqa’ jiddefendi lil Clint Camilleri minkejja li warrab lil Clayton Bartolo.

Robert Abela qed jibqa’ jiddefendi lil min seraq lill-poplu €70,000 mill-fondi pubbliċi.

Dan jikkuntrasta ma’ każijiet oħra fejn min jiżbalja jħallas ta’ dak li għamel, bħal fil-każ tas-CEO tal-AWAS, l-aġenzija li suppost tieħu ħsieb il-welfare tal-persuni li qed ifittxu l-ażil, li tressaq il-Qorti fuq użu għall-gwadann tiegħu ta’ €1,200 minn fondi pubbliċi. Imma Clint Camilleri – li kien strumentali fis-serqa ta’ ammont ferm akbar ta’ €70,000 – jitħalla f’postu qisu xejn mhu xejn.

Sewwa kien qal Evarist Bartolo li taħt dan il-Gvern hemm liġi għall-allat u liġi għall-bnedmin.

Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista tennew li se jibqgħu jiġġieldu biex flus il-poplu jintefqu għall-ġid tal-poplu u mhux biex jitħanżru dawk ta’ madwar Robert Abela.

Hu għalhekk, qalu Darren Carabott u Claudette Buttigieg, li l-PN qed jistieden lil kulħadd biex jattendi għall-protesta ta’ nhar it-Tnejn quddiem il-Parlament fis-6pm. Il-poplu Malti se jerġa’ juri lil Robert Abela li jekk mhux se jieħu passi hu, se jkunu l-Maltin u l-Għawdxin li jnaddfu lil pajjiżna minn Gvern ta’ frodi biss, frodi spiss.