F’Diċembru, salpa fuq vjaġġ tal-Milied maġiku billi żżur it-Teatru Manoel fil-Belt Valletta għal produzzjoni innovattiva u eċċitanti ta’ ‘The Nutcracker’mill-kumpanija taż-żfin Moveo. Din il-produzzjoni hija waħda perfetta għal serata fi żmien il-Milied adattata għal kull tip ta’ udjenzi ta’ kull età. Din se tittella’ mit-Tnejn 9 sal-Ħamis 12 ta’ Diċembru fis-7pm.
F’din il-produzzjoni, il-ħsejjes ikoniċi fil-kitba oriġinali tal-1892 ta’ Pyotr Illich Tchaikovsky se jitwaħħdu mal-approċċ kontemporanju fil-koreografija tal-kumpanija taż-żfin Moveo. Din il-produzzjoni se tkun qed taqbad l-arti tant maħbuba tal-ballet u tittrasformaha f’rappreżentazzjoni maġika u innovattiva għall-familja kollha. F’din l-istorja, se niltaqgħu ma’ Clara, in-Nutcracker Prince, mas-silġ, mal-pupi, maż-żeffiena Għarab u Russi u ovvjament max-Sugar Plum Fairy.
Moveo Dance Company ġiet stabbilita fl-2008 mid-Direttur Artistiku Dorian Mallia, illum hija mmexxija wkoll bi sħab mad-Direttriċi u koreografa Diane Portelli. Il-kumpanija tellgħet bosta prestazzjonijiet kontemporanji kemm lokalment u anke lil hinn minn xtutna. Il-filosofija artistika ta’ Moveo Dance Company dejjem tfittex l-innovazzjoni u l-esplorazzjoni ta’ kunċetti enigmatiċi fi ħdan il-prestazzjonijiet tagħhom. Il-pedament tal-ħidma tagħhom jinsab fl-istudju kontinwu tal-moviment tal-ġisem uman, waqt li jaraw li l-produzzjonijiet tagħhom jibqgħu dinamiċi u dejjem jevolvu.
Din il-produzzjoni ddum madwar siegħa u hi adattata għal kull min għandu 3 snin jew iktar.
//= $special ?>