Ġiet lura għan-normal is-sitwazzjoni li żviluppat tard ilbieraħ bil-lejl fil-limiti ta’ Burmarrad, fejn nar qawwi ħakem numru ta’ fabbriki u mħażen.
Għalkemm in-nirien ġew kontrollati mill-membri tas-CPD, jidher li fl-operazzjoni weġġgħu żewġ ħaddiema u wieħed mill-volontieri li kien qed jassisti lill-pumpieri. Huma jinsabu l-isptar u qed jingħataw il-kura meħtieġa.
Fl-operazzjoni kienu involuti mal-50 pumpier u 15-il vettura tat-tifi tan-nar.
Net News jinsab infurmat li n-nar żviluppa f’zona fejn kien hemm maħżuna numru ta’ kontenituri tal-plastik b’detergents u toiletries. U kien għalhekk li n-nirien infirxu ferm aktar malajr.
Il-każ seħħ għall-ħabta tad-8pm, u mal-ewwel waslu fil-post kemm il-vetturi tas-CPD kif ukoll Pulizija u ambulanzi biex jassistu. Il-pumpieri qattgħu lejl sħiħ sakemm in-nar ġie taħt kontroll, għalkemm sa dalgħodu l-operazzjoni fil-post kienet għadha għaddejja.
Il-Maġistrat Philip Galea Farrugia qed imexxi inkjesta dwar dan il-każ.
//= $special ?>