Lokali

“Il-PN jifraħ lid-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott” – PN

Iċ-Chairperson tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament Malti jinħatar f’kariga internazzjonali prestiġjuża

Il-Partit Nazzjonalista jifraħ lill-Membru Parlamentari Darren Carabott li ġie elett bħala Teżorier fil-Bord Eżekuttiv ta’ assoċjazzjoni internazzjonali tal-Public Accounts Committees (PACs).

Din l-assoċjazzjoni – il-Comonwealth Association for Public Accounts Committees (CAPAC) – li fl-aħħar jiem iltaqgħet f’Malta, tikkordina l-ħidma Parlamentari marbuta ma’ investigazzjonijiet ta’ nefqiet pubbliċi li jsiru minn gvernijiet ta’ madwar 60 pajjiż differenti.

Bħala Deputat tal-Partit Nazzjonalista, Darren Carabott jokkupa l-kariga ta’ Chairperson tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament Malti. Issa, bis-saħħa ta’ dan ir-rwol, intgħażel wara elezzjoni kkontestata biex iservi bħala Teżorier ta’ din l-assoċjazzjoni dinjija li tiġbor fi ħdanha Kumitati Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi minn diversi pajjiżi mifruxin madwar id-dinja.

Għall-kuntrarju ta’ dan il-Gvern li sar iħammrilna wiċċna madwar id-dinja, id-Deputati tal-PN jagħmlu unur lil pajjiżna fuq livell globali.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ukoll awgura kull suċċess lil Darren Carabott għal dawn is-sentejn li ġejjin li matulhom se jkun qed jokkupa din il-kariga internazzjonali prestiġjuża.