Futbol Sport

Liverpool jittamaw li jkomplu jkabru l-vantaġġ fl-ewwel post b’rebħa fuq Man City

Liverpool għandhom iċ-ċans li jkabru l-vantaġġ fil-quċċata tal-klassifika jekk il-Ħadd jirbħu l-konfront tal-ġimgħa kontra Manchester City. Il-partita skedata għal-Ħadd fil-5pm.

Is-Citizens ġejjin minn possibilment l-agħar forma f’dawn l-aħħar għaxar snin, hekk kif tilfu 5 mill-aħħar 6 partiti, bil-partita l-oħra tintemm fi draw ta’ 3-3 kontra Feyenoord fil-UCL. Rebħa għar-Reds tfisser li jkabru l-vantaġġ għal 11-il punt fuq Manchester City wara biss 13-il logħba.

Illum 4 partiti jintlagħbu fl-4pm hekk kif Brentford jaffrontaw lil LeicesterCity fil-Gtech Community Stadium, filwaqt li Ipswich Town qed jimmiraw jibnu fuq l-aħħar riżultati li kisbu u jieħdu tlett punti kontra Nottingham Forest.

Fl-4pm jilagħbu ukoll Wolves kontra Bournemouth u Crystal Palace kontra Newcastle United.

Fis-6:30pm, derby minn Londra hekk kif West Ham United se jospitaw lil Arsenal fil-London Stadium. Arsenal jirrikjedu jirbħu biex ikomplu jissieltu mal-ewwel erba.

Apparti l-partitissima bejn Liverpool u Man City, 4 partiti oħra l-Ħadd jintlagħbu kollha fis-2:30pm.

Chelsea jimmiraw li jkomplu l-forma tajba tagħhom meta jaffrontaw lil Aston Villa, li kienu żvinturati li ma rebħux il-konfront f’nofs il-ġimgħa kontra Juventus bil-gowl imħassar ta’ Rogers fl-94 minuta.

Manchester United qed ifittxu l-ewwel rebħa fil-Premier League taħt it-tmexxija ta’ Ruben Amorim hekk kif se jaffrontaw lil Everton f’Old Trafford.

Derby ieħor minn Londra hekk kif Tottenham Hotspur se jospitaw lil Fulham fit-Tottenham Hotspur Stadium.