F’Palazzo de la Sallen, fil-Belt Valletta qed tittella’ it-59 edizzjoni tal-kompetizzjoni annwali tal-Malta Photographic Society. Din is-sena hemm numru kbir ta’ parteċipanti u esebizzjonijiet varji. Il-kompetizzjoni tiffoka primarjament fuq il-promozzjoni tal-arti tal-fotografija fost il-Maltin.
Marco Bilocca, il-Viċi President u l-Manager tal-Kompettizzjoni, qal lil Net News li din il-wirja kienet iffokata wkoll fuq il-kultura lokali. Din is-sena ġiet introdotta b’kategorija ġdida b’isem “Unmistakably Malta”, li tippromwovi x-xogħol ta’ fotografi li jinkludu elementi tal-kultura Maltija u dak kollu li jagħmilna Maltin.
L-għan ta’ din l-esebizzjoni hu li jiġi ffaċilitat spazju għal membri u artisti lokali, biex ikollhom opportunità li juru l-impenn tagħhom fil-kultura lokali. L-arti tal-fotografija ħafna drabi mhix imħarsa b’għajn tajba, iżda permezz ta’ din l-esebizzjoni qed jagħtu aktar importanza lil din l-arti.
Il-kompetizzjoni kienet imqassma f’erba’ kategoriji – ritratti stampati, ritratti bil-kulur u bl-iswed u l-abjad, u ritratti diġitali esebiti fuq monitors. L-aqwa ritratti fil-kategoriji differenti ġew premjati b’midalji tad-deheb, tal-fidda, u tal-bronż, filwaqt li r-ritratti li spikkaw ingħataw ċertifikat ta’ rikonoxximent.
Din l-edizzjoni se tibqa’ mmarkata bħala waħda minn dawk l-aktar edizzjonijiet ta’ livell għoli, b’119 ritratt stampat u 120 ritratt diġitali magħżula minn 708 sottomessi minn 77 parteċipant.
Din il-wirja ser tkun miftuħa għall-publiku b’xejn bejn il-Ġimgħa 29 ta’ Novembru u l-Ħamis 19 ta’ Diċembru kull nhar ta’ Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8am sas-7pm u s-Sibtijiet bejn id-9am u s-1pm.



