Lokali

Direttur tal-PBS il-moħħ wara ċ-ċensura tal-Membru Parlamentari tal-Oppożizzjoni Ryan Callus

Pablo Micallef, membru fil-Bord tad-diretturi tal-Public Broadcasting Services, huwa l-persuna li wettaq ċensura fi promozzjoni reċenti li fiha kien hemm il-membru parlamentari tal-Oppożizzjoni Ryan Callus. Dan kien żvelat mis-sit TheShiftNews.com

Fix-xogħol l-ieħor tiegħu, xogħol mal-gvern bħala Direttur tal-Komunikazzjoni tal-Water Services Corporation (WSC), Pablo Micallef ta struzzjonijiet lit-tim tiegħu biex ineħħu lill-kelliem tal-oppożizzjoni għall-WSC, Ryan Callus, minn ritratt li deher fuq is- social media ta’ din l-entità pubblika.

Ritratt li fih kien hemm Ryan Callus fuq stand tal-WSC matul avveniment taċ-Chamber of Engineers li kien manipulat biex iħassar lil Callus mir-ritratt u ġie mibdul ma’ ritratt ieħor ta’ raġel ieħor li kien qed jimita student.

Pablo Micallef kien mikxuf mill-kollegi tiegħu stess bħala l-persuna fil-WSC li ordna biex jitneħħa Callus, u ċċensura lill-kelliem tal-Oppożizzjoni fuq l-enerġija.

Din iċ-ċensura ta’ Micallef ta’ Membru Parlamentari tal-Oppożizzjoni hija kkunsidrata aktar serja minħabba l-kariga tiegħu bħala membru fil-bord tal-PBS fejn huwa obbligat li jkun imparzjali. Il-PBS ilu ħafna żmien jiġi akkużat li sar ix-xandar tal-Labour Party.

Meta TheShiftNews staqsa lis-CEO, Karl Cilia, biex jikkonferma li l-WSC identifikat lil Pablo Micallef bħala l-moħħ wara ċ-ċensura kontra l-Oppożizzjoni, dan irrifjuta li jirrispondi. Huwa rrifjuta wkoll li jgħid liema azzjoni se jieħu kontra l-uffiċjal tal-komunikazzjoni Pablo Micallef li għamel ħsara lill-immaġini professjonali tal-aġenzija.

TheShiftnews huwa infurmat li Cilia mhu komdu xejn minħabba dan l-inċident u qed jinsisti li Micallef jiġi mwissi u jitlob apoloġija lill-pubbliku. Madankollu, il-Ministru tal-enerġija Miriam Dalli qed tippressa lil Karl Cilia sabiex “iħalli dan l-inċident imut.”

Pablo Micallef saħansitra huwa wkoll preżentatur ta’ quiz televiżiv fuq l-istazzjon nazzjonali.

Taħt Gvern Laburista, Pablo Micallef ingħata xogħol bħala kelliem tal-Malta EU Respresentation fi Brussel mingħajr ma kellu ebda konoxxenza tal-Unjoni Ewropea u għamel diversi snin fi Brussel fuq pakkett finanzjarju massiv mill-gvern.

Meta reġa’ lura Malta, Micallef mill-ewwel ingħata impjieg ieħor bi qligħ fenomenali bħala Direttur tal-Komunikazzjoni fl-MCAST, u wara impjieg ġdid mal-WSC, fejn issa huwa responsabbli milli jiċċensura membri parlamentari tal-Oppożizzjoni. Kien ukoll imdaħħal fil-bord tal-PBS filwaqt li kellu programm fuq l-istess stazzjon fejn kien qed jieħu paga oħra. Mhuwiex ċar b’kemm il-ħalq qed jiekol Pablo Micallef.

Fis-sena 2023, il-Film Commissioner, Johann Grech, ħareġ direct order lil Micallef biex iservi ta’ kelliem fil-Mediterranean Film Festival li sewa €4 miljun. Micallef iċċarġja lill-gvern €125 fis-siegħa ta’ din il-kariga.

Skont il-kodiċi tal-etika tal-PBS, membri tal-bord u preżentaturi huma projbiti milli jipprovdu servizzi lill-aġenziji jew ministeri governattivi. Fil-każ ta’ Micallef dawn ir-regolamenti ġew injorati.