Lokali

“Ħadd mhu kuntent b’Robert Abela – spiċċajna ċajta”

Skandli bħalma huma l-iskandli ta’ Clayton Bartolo jsiru ħafna agħar meta ma jkunx hemm tmexxija tajba. Il-Kabinett sar ċajta, u Abela jaf li ħadd mhu kuntent bih.

Kliem wieħed mid-deputati tal-Labour stess li ddeskriva s-sitwazzjoni fil-Kabinett ta’ Robert Abela bħala waħda problematika.

Bl-istess membru parlamentari li tkellem mal-MaltaToday jgħid li hemm nuqqas ta’ kuntentizza fost id-deputati Laburisti dwar kif il-Prim Ministru Robert Abela jdawwar kliemu.

Dan hekk kif ħafna għadhom jiftakru kif il-Prim Ministru kien biddel id-deċiżjoni tiegħu dwar l-Inkjesta Pubblika ta’ Jean Paul Sofia, u huwa għalhekk li l-membri parlamentari qed iżommu lura milli jiddefendu deċiżjonijiet li jkun ħa Abela.

Però, in-nuqqas ta’ fiduċja fil-Kabinett ma tieqafx hemm hekk kif jidher li anka l-Prim Ministru Abela qed jattakka lil membri parlamentari tiegħu stess. Hekk kif f’laqgħa li saret nhar il-Ħamis wara r-riżenja tal-Ministru Bartolo, Abela qalilhom li jekk hemm xi ħadd li jrid jagħmillu l-bsaten fir-roti… jaqbad u jitlaq.

Din l-istqarrija ġiet illikjata lix-Shadow Minister tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg.

Barra minn hekk sorsi li tkellmu ma’ Net News spjegaw li waqt din il-laqgħa tal-Kabinett, attendew biss 16 minn 27 membru Parlamentari Laburista, b’wieħed minnhom proprju jikxef dak li qal il-Prim Ministru kelma b’kema lid-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg.

Membru ieħor tal-Kabinett ta’ Robert Abela qal li huwa inaċċettabli li jkollok Prim Ministru li ma jiħux id-deċiżjonijiet neċessarji jew li jieħu deċiżjoni u jbiddilha ftit tal-jiem wara. Bl-istess membru  jgħid li d-deċiżjoni biex jitwarrab Bartolo missha tieħdet proprju meta ġie ppubblikat ir-rapport tal-Kummissaru tal-Istandards. Però, Abela baqa’ jkaxkar għal ġimgħat sħaħ.