Dawn il-mediċini huma krucjali kemm bħala prevenzjoni kif ukoll bħala trattament għall-virus tal-HIV, li jwassal għall-marda tal-AIDS. Din kienet wegħda elettorali miż-żewġ partiti, iżda l-Gvern għadu sal-ġurnata tal-lum ikaxkar saqajh.
F’dan il-jum, il-Partit Nazzjonalista jonora u jsellem lill-vittmi ta’ din il-marda, filwaqt li jerġa’ jikkommetti ruħu b’impenn u determinazzjoni sħiħa biex titnaqqas l-inċidenza tal-AIDS u biex ikun ta’ sostenn għal kull persuna milquta jew li tinsab f’riskju.
Skont l-UNAIDS, sal-2030, l-AIDS m’għandhiex tibqa’ theddida globali jekk id-drittijiet fundamentali ta’ kulħadd ikunu mħarsa.
Għaldaqstant, fi stqarrija, Graziella Attard Previ, ix-Shadow Minister għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet tat-Tfal; Adrian Delia, ix-Shadow Minister għas-Saħħa; flimkien mal-Forum Opportunitajiet Indaqs Partit Nazzjonalista (FOIPN) qalu li l-Partit Nazzjonalista jappella għal għanijiet konkreti:
- l-eliminazzjoni tal-istigma kontra l-persuni milquta bil-virus tal-HIV, irrispettivament mill-ġeneru tagħhom;
- aktar għarfien dwar il-mediċini li jwaqqfu r-riskju tat-tixrid tal-HIV minn persuni li jkunu meqjusa positive undetectable;
- iktar aċċessibbilità għall-mediċini PrEP u PEP u li għandhom jingħataw b’xejn lil kull min jeħtieġhom.
Barra minn hekk, il-Partit Nazzjonalista jkompli jinsisti fuq il-bżonn li l-GU Clinic fl-Isptar Mater Dei wkoll tkun iktar aċċessibbli. Dan għandu jsir billi l-klinika tiġi trasformata f’Walk-in Clinic, biex tippromwovi prattika sesswali b’saħħitha.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat li jkun proattiv u mhux biss reattiv, billi jiffoka fuq soluzzjonijiet li jindirizzaw il-prevenzjoni, it-trattament, u l-appoġġ għall-persuni kollha li huma affettwati jew jinsabu f’riskju.
//= $special ?>