Lokali

“Il-poplu jrid opportunitajiet indaqs, mhux Gvern li jaħtaf kull opportunità biex jitħanżer” – Bernard Grech

Dan il-Gvern ma jirrappreżentax lill-poplu Malti; Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti lura lill-poplu l-pajjiż li jixraqlu

Bis-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi irriżenjaw diversi Ministri. U għalhekk nhar it-Tnejn kulħadd għandu jingħaqad f’vuċi waħda fil-Belt Valletta biex in-nies ikompli jsemmgħu leħinhom.

Dan mhuwiex pajjiż ta’ frodi biss u frodi spiss. Il-poplu Malti u Għawdxi mhuwiex poplu ta’ frodi biss u frodi spiss. Hu l-Gvern Laburista biss li jemmen f’din it-tip ta’ politika, u dan ma jirrappreżentax min aħna bħala poplu.

Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta l-Ħadd filgħodu indirizza attività tal-PN fil-Qrendi. Fejn saħaq li bħalma telaq Clayton Bartolo għandu jitlaq il-Ministru Clint Camilleri.

Bernard Grech fakkar kif numru kbir ta’ Ministri irriżenjaw; u dan kien posssibli biss permezz tal-poplu li għamel il-pressjoni – u b’hekk kellhom jitilqu.

Bernard Grech qal li bil-kontra ta’ Robert Abela, il-Partit Nazzjonalista huwa ffukat biex il-flus li nsterqu mid-deal tal-Vitals u Steward jiġu rritornati.

U huwa proprju għalhekk li t-Tnejn se jkun preżenti għad-deċiżjoni tal-kawża tal-Appell li fetah il-Partit Nazzjonalista biex l-Avukat tal-Istat jagħmel xogħlu… u jiġu rritornati l-flus tal-poplu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif, l-iskandlu ta’ Stewards u Amanda Muscat mhux l-uniċi skandli li kellu Gvern Laburista fi 11-il sena – Gvern li spiċċa mifni bi krizijiet inferni, riżenji u ġlied minflok ma hu ffukat fuq il-bżonnijiet tal-pajjiż u tal-poplu

Fakkar kif ħames snin ilu Abela kien qal li se jkun l-aqwa verżjoni tiegħu nnifsu; imma fil-verità hu approva impjieg fantażmu u qed jibqa’ jiddefendi lil Clint Camilleri.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar it-turiżmu u sostna li bħalissa għandna Gvern li jaħseb li l-affarijiet jistgħu jibqgħu jimxu ‘l quddiem weħedhom. Hawn, Bernard Grech insista li pajjiżna għandu bżonn viżjoni sostenibbli u pjan ġdid… u dan se jkun possibbli biss permezz ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista.