Ir-reġim tal-President Sirjan, Bashar al-Assad, jinsab ferm imħasseb wara li l-gruppi ta’ ribelli ta’ kontra l-Gvern komplew javvanzaw għal fuq numru ta’ bliet, fost sensiela ta’ disfatti għall-qawwiet nazzjonali.
Il-kriżi għal Assad hi l-akbar waħda għal snin, bir-Russja – alleata ta’ Damasku – qed ikollha tintervjeni b’sensiela ta’ attakki mill-ajru fuq ir-ribelli li, jekk ikomplu b’dawn is-suċċessi, kapaċi jaqilbu l-istatus quo f’pajjiż li dejjem kien qrib ħafna ta’ Moska.
Il-ġellieda tal-Oppożizzjoni qed jikkontrollaw il-belt strateġika ta’ Aleppo – it-tieni l-aktar belt importanti fis-Sirja – u meta l-grupp ewlieni tar-ribelli anki qed javvanza lejn in-nofsinar tal-pajjiż u viċin diversi bliet fil-limiti ta’ Hama, ir-raba’ l-akbar belt tas-Sirja.
Intant, ir-rejds tal-ajru tar-Russi kienu mirati l-aħħar fuq iz-zoni rurali ta’ Hama u Idlib fejn kien hemm konċentrazzjoni kbira ta’ ribelli. Dan meta l-grupp tal-militanti Iżlamiċi bl-isem Hayat Tahrir al-Sham (HTS) u l-alleati armati appoġġjati mit-Turkija huma l-protagonisti fl-attakki kontra l-interessi ta’ Assad li ilhom għaddejjin min-nhar l-Erbgħa.
Dan ukoll meta l-osservaturi barranin qalu li nqatlu aktar minn 400, fosthom ċivili, mindu r-ribelli bdew l-offensiva f’nofs il-ġimgħa li għaddiet.
Sitwazzjoni fluwida u kumplikata….
L-iżviluppi tal-aħħar jiem fis-Sirja kienu fluwidi u ta’ inkwiet kbir għar-reġim ta’ Damasku…U waqt li l-President Assad ħalef biex jelimina din it-theddida għat-tmexxija tiegħu, iċ-ċirkustanzi reġjonali u ġeopolitiċi ma jidhrux daqshekk favur tiegħu.
Is-sitwazzjoni reġjonali hi differenti milli kienet snin ilu…Dan meta l-Iran, alleat ieħor ta’ Assad, spiċċa pjuttost dgħajjef wara l-aħħar żviluppi fil-Lvant Nofsani u bir-Russja qed tiddedika kważi r-riżorsi militari kollha għall-gwerra li għaddejja bħalissa fl-Ukrajna….Sitwazzjoni li hi ta’ vantaġġ sinifikanti għar-ribelli ta’ kontra Assad.
Fl-aħħar sigħat, ma naqsux is-sejħiet mill-komunità internazzjonali biex is-sitwazzjoni fis-Sirja tkun ikkontrollata….Madankollu spikkaw ukoll is-sejħiet biex Bashar al-Assad jirritorna madwar il-mejda tan-negozjati u jirrispetta t-trattati għall-paċi mar-ribelli li kienu tfasslu fl-2015.
It-tħassib dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja qed jispikka l-aktar fl-Iran, ir-Russja u t-Turkija – bl-osservaturi jemmnu li dan hu ż-żmien għal Assad biex jaqbel dwar ‘il-konċessjonijiet’ li kapaċi jevitaw aktar ċirkustanzi perikolużi għar-reġim tiegħu, Madankollu, ir-risposta tal-President Sirjan. għalissa, hi li l-Gvern tiegħu qed iħejji kontro-offensiva kbira kontra r-ribelli f’Aleppo.
//= $special ?>