Lokali

Mijiet ta’ persuni jattendu għal mixja favur il-ħajja

“Aħna kburin li aħna favur il-ħajja.”

Kienet din l-għajta ta’ dawk li attendew il-mixja favur il-ħajja l-Ħadd… mixja li bdiet waranofsihar minn quddiem il-Pjazza ta’ Kastilja u li ntemmet fi Pjazza La Valette.

Mijiet ta’ persuni attendew għal din il-mixja, organizzatta minn Life Network Foundation sabiex iwasslu l-messaġġ tagħhom favur l-ħajja.

F’dan l-avveniment tkellem il-Professur John Bruchalski dwar l-esperjenzi tiegħu meta kien jagħmel l-abort, u stqarr li wara snin jagħmel l-abort huwa ddeċidha li jieqaf għax l-att kien wisq makabru.

Barra minn hekk, il-Professur John Bruchalski wassal messaġġ lil dawk preżenti biex ikomplu jsemmgħu leħinhom favur il-ħajja.

Tkellmet ukoll Christine Francis, li hija l-President tal-Assoċjazzjoni Amerikana tal-OBGYNS Favur il-Ħajja, fejn qalet li fil-professjoni tagħha għandha żewġ responsibilitajiet waħda għall-omm u oħra għat-tarbija. Hija qalet ukoll kif kull ħajja hija prezjuża, inkluż il-ħajjiet li għadhom fil-ġuf.

Waqt din il-mixja tkellmet ukoll studenta li qed tistudja l-mediċina li saħqet kif il-ħajja hija dritt bażiku u prinċipju fundamentali.

Interessanti l-fatt li għal din il-mixja attendew kemm nisa kif ukoll irġiel ta’ etajiet differenti.