Futbol Sport

Posposta l-partita bejn Fiorentina u Inter wara li Edoardo Bove kkollassa fil-partita

Mument xokkanti fi Stadio Artemio Franchi hekk kif fis-16-il minuta tal-partita bejn Fiorentina u Inter, ikkollassa l-plejer ta’ Fiorentina Edoardo Bove. Il-midfielder ta’ 22 sena ttieħed fl-isptar ta’ Firenze fejn tpoġġa fit-taqsima tal-kura intensiva bil-kundizzjoni tiegħu tkun waħda stabbli. Aktar testijiet fuq saħħet il-plejer mistennija jsiru matul l-24 siegħa li ġejjin.

Bove ssieħeb ma’ Fiorentina mingħand Roma b’self fis-sajf li għadda bl-ewwel gowl tiegħu mal-Viola wasal f’Ottubru li għadda kontra Roma stess.

F’partita oħra rebħa minima ta’ 1-0 għal Napoli fuq Torino. Il-gowl deċiżiv wasal fil-31 minuta permezz ta’ Scott McTominay.

Juventus barra minn darhom kienu miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Lecce. Kien Andrea Cambiaso li poġġa lil Juventus fil-vantaġġ fit-68 minuta. Lecce ġabu l-iskor indaqs fl-aħħar ħinijiet tal-partita, fid-93 minuta permezz ta’ Ante Rebic.

Telfa mhux mistennija għal Lazio meta kienu megħluba 3-1 minn Parma. Dennis Man poġġa lil Parma fil-vantaġġ wara sitt minuti. Haj Mohamed għamilhom 2-0 fit-53 minuta. Valentin Castellanos naqqas l-iskor għal Lazio fit-80 minuta filwaqt li Enrico Del Prato reġa fetaħ vantaġġ doppju għal Parma.