Lokali

“Robert Abela qal li jaf bil-provi dwar il-mewt tal-għażiż Karl Gouder” – PN

Għax ġifa, Robert Abela ma marx minn jeddu għand il-Maġistrat Inkwirenti

Robert Abela kellu l-obbligu li jinforma lill-Maġistrat Inkwirenti b’dak li qal waqt il-laqgħa li hu u uffiċjali oħra tal-Partit Laburista kellhom fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Kien id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Daniel Micallef li wara li tkellem Robert Abela u fil-preżenza ta’ diversi uffiċjali taż-żewġ partiti, qal li huwa qiegħed jifhem li l-mewta traġika ta’ Karl Gouder kienet ir-riżultat ta’ “extortion”.

Għal dan Robert Abela qabeż minn fuq is-siġġu u filwaqt li pponta subgħajh qal “Mhux fhimt! Imma hekk hu u bil-provi! Bil-provi!”.

Huwa għalhekk li b’sens kbir ta’ responsabbilità u kif inhuma obbligati li jagħmlu, meta bagħat għalihom il-Maġistrat Inkwirenti bħala parti mill-investigazzjoni, l-uffiċjali tal-PN taħt ġurament infurmawh b’dak li kien stqarr Robert Abela fil-preżenza tagħhom.

Robert Abela rrepeta dan id-diskors ma’ bosta persuni oħra għall-konvenjenza politika u l-interessi partiġjani tiegħu, però fl-ebda waqt ma ħass li kellu jmur għand il-Maġistrat. Tassew hu każ tal-ġifa li jitfa’ l-ġebla u jaħbi idu.

Il-preżenza ta’ Robert Abela fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista ġiet deċiża minnu stess, ġab miegħu lil min ried, dam kemm ried u qal li ried.

Dan kollu jikkonferma kemm Robert Abela huwa politiku perikoluż u irresponsabbli li jasal għal kollox biex isalva ġildu.

Kuntrarju għal Robert Abela, il-PN se jibqa’ jirsisti biex issir magħrufa l-verità u jekk kien hemm min wassal lill-għażiż Karl Gouder għall-mewt, jieħu dak li ħaqqu quddiem il-ġustizzja.