Dħalna f’Diċembru, ix-xahar favorit ta’ bosta Maltin u Għawdxin. Il-festa li tfakkar fit-twelid ta’ Sidna Ġesu Kristu, f’għar f’Betlehem qalb l-annimali – f’ħafna kesħa u f’faqar kbir.
U fost il-Maltin dan is-sens ta’ fidi jidher ili baqa’ b’saħħtu hekk kif uħud minn dawk li tkellmu ma’ Net News stqarrew li l-presepju huwa l-iktar ħaġa li jħobbu jarmaw f’dan ix-xahar ta’ Diċembru.
Meta tkellimna man-nies, spikka wkoll fost l-oħrajn l-entużjażmu ta’ żewġt itfal li tkellmu ma’ Net News u li qalulna li f’jum il-Milied iħobbu joqgħodu mal-familja u jiftħu r-rigali taħt is-siġra tal-Milied.
Sabiħ ukoll il-fatt li minkejja bosta jmorru jieklu u jiddevertu f’xi ristorant jew lukanda matul ix-xahar ta’ Diċembru, fil-jum propju tal-Milied jippreferu li jibqgħu d-dar flimkien mal-qraba.
Net News staqsa wkoll jekk in-nies bdewx jixtru r-rigali tal-Milied fejn deher li bosta persuni qed jippreferu jixtru rigali matul is-sena kollha – waqt li dawk li huma iktar avanzati fl-eta għadhom jippreferu jagħtu rigali fi flus kontanti.
//= $special ?>