Internazzjonali

Tiħrax il-kriżi bejn il-Ġorġja u l-Unjoni Ewropea… bil-President Salome Zourabichvili qed tisfida lill-Gvern ta’ Tbilisi

Il-kriżi bejn il-Gvern tal-Ġorġja u l-Unjoni Ewropea qatt ma kienet daqshekk akuta – u wara li l-amministrazzjoni mmexxija mill-Prim Ministru Ġorġjan Irakli Kobakhidze għamilha ċara li l-proċess lejn is-sħubija ta’ pajjiżu fl-UE tneħħiet minn fuq l-aġenda tal-Gvern sal-aħħar tal-2028.

Intant, komplew id-dimostrazzjonijiet ta’ rabja li attendew għalihom l-eluf tal-Ġorġjani li xlew lill-Gvern dwar ‘tradiment tal-ideali demokratiċi’. Komplew ukoll l-inċidenti ta’ vjolenza, bil-Pulizija f’Tbilisi, il-kapitali Ġorġjana, jużaw il-forza eċċessiva mad-dimostranti ta’ kontra l-Gvern u meta l-ġurnalisti fl-inħawi wkoll spiċċaw imsawtin mill-qawwiet tal-liġi.

Irakli Kobakhidze, li qatt ma ħeba l-ammirazzjoni tiegħu għar-Russja u l-President Russu Vladimir Putin, qed jinsisti li l-Ġorġja, ‘il quddiem, għandha tipprova għal sħubija fl-Unjoni. Iżda hu insista, b’ton aggressiv, li ‘l-proċess għandu jkun wieħed dinjituż li jitmexxa skont il-kundizzjonijiet ta’ Tbilisi’.

U waqt li l-uffiċjali fi Brussell qed jakkużaw lill-Gvern Ġorġjan – immexxi mill-Partit għall-Ħolma Ġorġjana – dwar aġir antikostituzzjonali, Kobakhidze qed iżid it-tensjoni bil-kundanna konsistenti tiegħu għall-politiċi tal-Ewropa. Politiċi li, fi kliemu, ‘ma waqfux jinsulentaw lill-Gvern immexxi minnu’.

Min-naħa tagħhom, id-dimostranti f’Tbilisi qed iqisu l-U-turn tal-Gvern tagħhom bħala azzjoni premeditata kontra l-aspirazzjonijiet tal-poplu.

Dan għaliex il-Ġorġja, qabel l-elezzjonijiet parlamentari tax-xahar li għadda (fejn il-Partit għall-Ħolma Ġorġjana ddikjara ruħu rebbieħ), kienet qabdet sew il-proċess lejn is-sħubija. Fil-fatt, it-tragward għall-integrazzjoni Ewropea hu minsuġ fil-Kostituzzjoni tal-Ġorġja.

Fl-aħħar sigħat, il-President tal-Ġorġja, Salome Zourabichvili, insistiet li se tibqa’ taqdi dan ir-rwol sakemm isiru elezzjonijiet Parlamentari ġodda.  Zourabichvili, li hi pro-Ewropa, fissret il-Parlament ta’ Kobakhidze bħala “llleġittimu” fost l-allegazzjonijiet ta’ frodi fl-aħħar votazzjoni nazzjonali.

B’hekk, Zourabichvili qed tisfida b’mod apert lill-Parlament f’Tbilisi li qal li għandu jagħżel President ġdid minflokha fl-14 ta’ Diċembru.

Sadanittant, mhumiex magħrufin l-ammonti tal-midruba taħt idejn il-Pulizija waqt l-aħħar protesti f’Tbilisi – għalkemm dawn qed ikunu kalkulati ‘bl-għexieren kbar’. Hemm ukoll l-attivisti u d-dimostranti favur l-UE li, issa, qed jiżvelaw li l-Pulizija Ġorġjana heddewhom bil-mewt fost il-vjolenza fil-kapitali.

Il-Pulizija mill-ġdid qed jużaw il-gass tad-dmugħ u l-kanuni tal-ilma fuq il-folol tad-dimostranti li waslu viċin il-bini tal-Parlament f’Tbilisi – b’dimostrazzjonijiet oħra ta’ rabja jsiru fl-ibliet ta’ Batumi, Kutaisi u Zugdidi, kif ukoll fir-reġjuni l-oħra tal-Ġorġja.

Il-Ministeru Ġorġjan għall-Intern qal li ndarbu tal-anqas 70 pulizija waqt  l-iljieli konsekuttivi ta’ ġlied mad-dimostranti.

L-Unjoni Ewropea, sadanittant, qed tosserva bir-reqqa l-iżviluppi allarmanti fil-Ġorġja – pajjiż li l-Gvern ta’ Kobakhidze irid li jqarrbu aktar l-orbita ta’ Moska.

L-Ambaxxatur tal-UE għall-Ġorġja, Pawel Herczynski, fisser is-sospensjoni tal-proċess lejn is-sħubija tal-pajjiż fl-Unjoni bħala xi ħaġa ta’ swied il-qalb. Pawel Herczynski qal li d-deċiżjoni ‘awtokratika’ tal-Gvern Ġorġjan qed tikkontradixxi l-politika tal-Gvernijiet preċedenti f’Tbilisi minbarra li sfidat ix-xewqat tal-maġġoranza assoluta tal-Ġorġjani.

U waqt li l-Gvern Ġorġjan qed ikompli jwebbes rasu, l-istħarriġ pubbliku f’din l-Eks Repubblika Sovjetika indika li aktar minn 80 fil-mija tal-poplu qed iħarsu lejn il-futur ta’ pajjiżhom bħala parti mill-Unjoni Ewropea.