Xhur ilu kien ġie żvelat li Steward Healthcare kellhom dak li jissejjaħ ‘fond politiku’. Bl-akkuża tkun li dan ma kien xejn għajr fond biex ixaħħam lill-politiċi.
Iżda wara ċaħdiet ripetuti mill-istess Steward, issa għandna l-konferma iswed fuq l-abjad li dan il-ftehim kien verament jeżisti. U skont ir-rekords żvelati mit-Times dalgħodu, dan il-fond twaqqaf biss mal-mument li l-barranin kellhom ix-xamma li se jitwaqqfu l-miljuni li kienu qed jieħdu għad-deal tal-isptarijiet – xi ħaġa li seħħet grazzi għall-kawża li kien fetaħ id-deputat Adrian Delia u l-insistenza tal-Kap tal-PN Bernard Grech.
Dan il-ftehim sigriet dwar il-flus għat-tixħim tal-politiċi kien ġie negozjat minn Armin Ernst, id-Direttur ta’ Steward; u Wasay Bhatti tal-Accutor – dik l-istess ditta li tat eluf f’konsulenzi lil Joseph Muscat.
Il-ftehim jindika li kull xahar, Steward kellhom jgħaddu €100,000 lill-kumpanija Accutor – flus li ħarġu mit-taxxi tagħna bħala parti mill-frodi tal-isptarijiet.
L-emails li jikxfu dan id-deal huma datati Awwissu 2019. Iżda sa Jannar 2020 kienet għadha għaddejja korrispondenza dwar dan il-ftehim sigriet relatat mal-‘fond politiku’.
Sal-perijodu li fih kienu għaddejin dawn l-emails, Muscat kien għadu dieħel u ħiereġ Kastilja, f’laqgħat ma’ Chris Fearne u Robert Abela; li kien għadu kif assuma t-tmexxija tal-pajjiż.
Mat-Times, l-avukati ta’ Muscat insistew li l-Eks Prim Ministru ma jistax jikkummenta u m’għandux aċċess għad-dokumenti li l-ġurnal qed jirreferi għalihom.
L-anqas Armin Ernst ma ta kummenti lit-Times dwar din l-allegazzjoni serjissima. Bħalissa, l-istess Ernst jinsab arrestat fl-Istati Uniti b’rabta mal-istess skandlu tal-isptarijiet.
//= $special ?>