Raġel ġie kkundannat 20 xahar ħabs wara li nstab ħati li darab ġuvni u tfajla għax ħebb għalihom wara li baqa’ dieħel fil-karozza tagħhom f’San Ġiljan. Mahmoud Mustafa Mohammed Aldabah instab ħati wkoll li għamel ħsara f’karozza, li saq b’mod traskurat, li rrifjuta li jagħti kampjun tan-nifs lill-Pulizija, u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech semgħet kif l-inċident seħħ fis-sigħat bikrin tal-4 ta’ Diċembru ta’ tliet snin ilu fi Triq Mikiel Anton Vassalli. Aldabah kien qed isuq karozza tal-kiri, li biha ħabat fuq in-naħa ta’ wara ta’ karozza oħra, u li fiha kien hemm żewġ ġuvintur u tfajla.
Fix-xhieda tagħhom il-vittmi qalu li raw il-karozza misjuqa mill-akkużat tinstaq bil-kontra, isserrep u tieqaf ħesrem. Ix-xufier qal li meta sab iċ-ċans qabżu, iżda wara ftit dan daħal fih fuq wara għal darba, darbtejn. Kien għalhekk qal li niżel mill-karozza tiegħu biex jieħu r-ritratti tal-inċident, iżda Aldabah ħebb għalih.
It-tfajla tax-xufier xehdet li l-għarus tagħha beda jgħajjat biex ċempel lill-Pulizija, iżda kif ra hekk l-akkużat ħatafha minn xagħarha, waddabha mal-art, u taha daqqa ta’ sieq. Qalet li kellha ċċempel erba’ darbiet sakemm irnexxielha titkellem biex titlob l-għajnuna.
Ħareġ ukoll kif waqt dan kollu, l-akkużat neża’ ġiżirana li kien liebes u beda jagħti biha mal-karozza tal-vittma, kif ukoll f’wiċċ il-vittma, li ndarab gravi. Xhud oħra li kienet riekba mal-akkużat allegat li kien il-vittma li ħebb għall-akkużat, iżda l-verżjoni tagħha ma twemmnitx mill-Qorti, għax qalet li din ma kinitx konsistenti.
Kien l-imputat li wara li ra li ma rnexxilux iwaqqaf lill-ġuvni milli jieħu ritratti tal-inċident, fejn hekk kien se jinkixef li kien qed isuq mingħajr ma kien liċenzjat, meta kif intwera hu kien igawdi minn ħelsien mill-arrest u għalhekk potenzjalment seta’ jitlef il-garanzija komplessiva ta’ €9,500, aggredixxa liż-żagħżugħ.
Din l-aggressjoni laħqet il-qofol tagħha xħin intebaħ li kienet issejħet il-Pulizija fuq il-post. Il-Qorti sabet lil Aldabah ħati tal-akkużi kollha u kkundannatu 20 xahar priġunerija u multa ta’ €1,800. Huwa kien ukoll skwalifikat mil-liċenzja tas-sewqan għall-perjodu ta’ sentejn.
Il-Qorti ordnat ukoll l-arrest mill-ġdid tiegħu b’rabta mal-każ li fuqu kien inħeles mill-arrest, u ordnat il-konfiska ta’ €1,500 u €3,500 f’depożitu u garanzija. Huwa kien ordnat ukoll jikkumpensa lill-vittma €1,200 għall-ħsarat fuq il-karozza, u ħarġet ordni ta’ trażżin għal tliet snin.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jean Paul Attard.
//= $special ?>