Net News jista’ jikkonferma li ftit qabel it-8am daħlu numru ta’ theddid ta’ bomba f’postijiet varji. Dan wassal biex skattat operazzjoni maġġuri minn naħa tal-Explosives Ordnance Disposal u l-Pulizija.
Jidher li t-theddid wasal għand il-Pulizija kważi fl-istess ħin, u kienu rappurtati theddid ta’ din ix-xorta f’aktar minn post wieħed – partikolarment skejjel. Jirriżulta wkoll li dan it-theddid ta’ bomba wasal permezz ta’ emails.
L-awtoritajiet qed jikkunsidraw dan il-każ bħala “attakk koordinat”. B’sorsi fil-Korp jindikaw li dawn l-iżviluppi tefgħu pressjoni kbira fuqhom u biża’ reali li possibbilment jaf tfaqqa’ “xi ħaġa kbira”.
Waħda mill-iskejjel milquta mit-theddid kienet il-Higher Secondary tan-Naxxar. Hawn, l-istudenti inħarġu kollha ‘l barra mill-iskola.
Skejjel oħra affetwati kienu s-St Joseph tal-Blata l-Bajda, St Michael’s ta’ Pembroke u s-Sacred Heart ta’ San Ġiljan, flimkien ma’ numru ta’ skejjel privati u tal-Knisja.
//= $special ?>