Il-kumpilazzjoni li bdiet it-Tnejn fil-konfront tal-Eks Surġent tal-Pulizija Cherise Camilleri ta’ 25 sena minn Ħal Qormi mixlija b’sensiela ta’ akkużi fosthom li għaddiet informazzjoni kunfidenzjali lil terzi, traffikar ta’ droga u ħasil ta’ flus, instemgħet bil-magħluq minħabba n-natura tal-akkużi.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella żgumbrat l-awla għall-midja u qalet li l-kawża se tinstema’ bil-magħluq minħabba n-natura tal-akkużi u ismijiet li aktarx se jiġu żvelati matul is-smigħ tal-kawża li jistgħu jippreġudikaw il-provi.
L-eks surġent tinsab akkużata b’kompliċità fi traffikar tad-droga, li wettqet atti ta’ ħasil ta’ flus kif ukoll li għaddiet informazzjoni li kellha fl-iskwadra ta’ kontra d-droga lil Ruud Buhagiar inkluż persuni marbuta mal-kriminalità. Buhagiar ukoll tressaq il-Qorti nhar il-Ħamis b’rabta mal-każ.
Meta tressqet il-Qorti quddiem il-Maġistrat Victor Axiak, il-prosekuzzjoni spjegat li mill-mowbajl tagħha rriżulta li bdiet tgħaddi informazzjoni mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, fosthom dwar l-operat tal-iskwadra kif ukoll dwar operazzjonijiet u rejds li jkunu se jsiru.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Christina Delia u Lydon Zammit flimkien mal-Avukati Maria Francesca Spiteri u Kevin Valletta f’isem l-Avukat Ġenerali. Camilleri qed tidher assistita mill-Avukati Arthur Azzopardi u Frank Tabone.
//= $special ?>